Internazzjonali

ll-Gwerra tal-Ukrajna: Destin imċajpar għall-priġunieri tal-gwerra minn Mariupol

Ir-Russja qalet li ‘il fuq minn 900 ġellieda Ukreni li ħarġu mill-kumpless industrijali ta’ Azovstal,  f’Mariupol, wara ġimgħat ta’ reżistenza lit-truppi tal-Kremlin ittieħdu lejn lokalità li nbidlet f’ħabs għall-priġunieri tal-gwerra.

Il-lokalità tinsab f’parti ta’ Donetsk ikkontrollata mir-Russja u għad hemm id-dubji dwar ‘id-destin’ ta’ dawk is-suldati – fosthom membri tal-Battaljun ta’ Azov li Moska qed tfissirhom bħala ‘Nażisti’.

U fl-aħħar sigħat, xi kapijiet Ukreni separatisti li jappoġġjaw lir-Russja sostnew li, kuntrarju għal dak li kien irrappurtat fl-aħħar jiem, jista’ għad fadal madwar elf suldati Ukreni maqbudin fil-kumpless ta’ Azovstal.

Fl-istess ħin, il-Ministeru tad-Difiża Russu tenna li mal-1,730 ġellied mill-kumpless inkwistjoni ċedew lit-truppi ta’ Moska mis-16 ta’ Mejju ‘il hawn.

Intant, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar sostna li laħaq irreġistra l-mijiet tal-priġunieri tal-gwerra Ukreni li sa ftit ilu kienu qed jiddefendu l-faċilità ta’ Azovstal kontra l-avvanzi tar-Russi li, fil-preżent, qegħdin jikkontrollaw kważi l-belt sħiħa ta’ Mariupol.