Lokali Qorti

Pleġġ għal raġel mixli li mporta minn Sqallija 34 kilo cannabis; Il-Qorti tappella lill-Gvern biex isir l-‘electroning tagging’

Raġel ta’ 36 sena minn Ħal Qormi li fi Frar li għadda kien mixli li ġie Malta minn Sqallija b’34 kilo droga cannabis u madwar €300,000 fi flus kontanti ingħata l-pleġġ mill-Qorti Kriminali, minkejja l-oġġezzjoni għal dan il-ħelsien mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Terence Cini kien ġie arrestat u tressaq il-Qorti flimkien ma’ Kevin Mifsud ta’ 39 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li diġa kien ingħata l-pleġġ. Cini ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiddepożita fil-Qorti s-somma ta’ ta’ €20,000, jagħmel garanzija personali ta’ €30,000, jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi u ġie imponut ukoll fil-konfront tiegħu ‘curfew’. Cini lanqas ma jista’ jersaq viċin l-ajruport jew viċin xi kosta.

Sadanittant il-Qorti Kriminali, kif ilu jsir minn Qrati diversament preseduti appellat lill-Gvern u anke bagħtitlu kopja tad-digriet tagħha biex finalment jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘electronic tagging’ jew sistema oħra biex jonqsu r-reati ripetuti. Il-Qorti saħqet ukoll li l-Pulizija għandha tagħmel ir-rondi b’mod ripetut fuq Cini bil-għan li taċċerta li qiegħed isegwi il-kundizzjonijiet imposti minnha f’dan id-digriet.

Kien fil-jum tas-Sibt filgħaxija fi Frar li għadda, wara operazzjoni ta’ sorveljanza mill-Pulizija li ħadet tul il-ġurnata kollha, meta kienu qed jaġixxu fuq tagħrif kunfidenzjali, li l-Iskwadra tad-Droga assistiti mir-Rapid Intervention Unit segwew vann sa garaxx f’Ħaż-Żebbuġ fejn Cini u Mifsud ħarġu minn post b’żewġ karozzi misjuqa minnhom.

L-uffiċjali interċettaw liż-żewġt irġiel u sabu ċwievet tal-garaxx fuq Cini. Skont ma’ qal fil-Qorti l-ispettur Alfredo Mangion fil-l-vann, l-uffiċjali sabu borża li kien fiha €300,000 fi flus kontanti. Moħbija ġewwa kompartiment wara l-pannelli tal-vettura kien hemm 34 pakkett ta’ kilo ħaxixa tal-cannabis, b’valur ta’ madwar €700,000.

Iż-żewġ suspettati qed iwieġbu mhux ħatja ta’ traffikar ta’ droga, importazzjoni u pussess aggravat ta’ cannabis f’ċirkustanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali tagħhom, kif ukoll ħasil ta’ flus u li huma reċidivi. Cini qed jiġi akkużat ukoll separatament li kiser ħames digrieti ta’ pleġġ.

Meta tressqu l-Qorti ma kinitx saret talba għall-ħelsien mill-arrest iżda d-difiża ta’ Cini ppreżentaw rikors fil-Qorti Kriminali li nstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Dan kien jgħid li ma teżisti l-ebda biża li Terrence Cini se jaħrab minn Malta peress li r-rabtiet tiegħu huma kollha hawn Malta.

Lanqas ma jista’ jingħad li se jkun hemm xi ntralċ ta’ provi peress li l-Uffiċjal Prosekutur ikkonferma għal darba, darbtejn li ma hemmx xhieda pajżana li fadal jiddeponu fil-proċeduri. Sadanittant Kevin Mifsud li tressaq miegħu, qalet id-difiża, diġa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti.

Fir-rikors ingħad ukoll li mhux ġust li Cini jibqa’ taħt arrest preventiv għax gie akkużat li kiser diversi digrieti tal-ħelsien mill-arrest. Dan qed jingħad għaliex sal-preżent, irrespettivament mill-fatti tal-każ,, Cini għadu preżunt innoċenti u għandu jibqa’ hekk preżunt sakemm jingħata ġudizzju.

Minn naħa tiegħu l-Avukat Ġenerali li oppona bil-qawwa kollha għal dan il-pleġġ u qal li minkejja li hu jedd tal-imputat li joħroġ mill-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jeżistu bizgħat ravviżati fl-Artikolu 575 tal-Kodici Kriminali, kif ġara f’każijiet oħra fosthom dak ta’ Pasqualio Cefai vs L-Avukat Generali u The Police vs Steven John Lewis Marsden.

L-AĠ qal ukoll li l-akkużi huma serji fosthom akkużi ta’ assoċjazzjoni fi traffikar u mportazzjoni ta’ 34kg Cannabis grass, atti ta’ ħasil ta’ flus u kif ukoll ksur ta’ ħames digrieti tal-benefiċċju għall-ħelsien mill-arrest. Qal ukoll li Cini mhux persuna affidabbli, anke jekk wieħed iħares lejn il-kondotta tiegħu. Ingħad ukoll li l-fatt li l-ko-akkużat Mifsud ingħata l-liberta’ proviżorja ma jinpinġi bl-ebda mod fuq il-pożizzjoni ta’ Cini, u b’hekk din il-Qorti mhux obbligata li taghtih l-ħelsien mill-arrest.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li Cini ilu taħt arrest preventiv għal żmien ta’ madwar tliet xhur. Rat ukoll li l-provi huma kollha preservati fl-atti tal-inkjesta li tinsab esebita quddiem l-ewwel Qorti għalkemm jirriżulta li x-xhieda esperta ma esebietx ir-relazzjoni esperta tagħha.

“Minbarra dan, fi żminijiet mill-aktar qrib, ingħatat mill-ogħla Qorti tagħna dimensjoni u tifsira aġġornata għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-libertà proviżorja.

“Dan fis-sens li jrid jintwera għas-sodisfazzjon tal-Qorti li, f’kull waqt li persuna akkużata b’reat tinżamm arrestata, flimkien mar-raġonevolezza tas-suspett li dik il-persuna wettqet tali reat, irid jintwera wkoll li hemm raġunijiet ta’ interess pubbliku rilevanti u sufficcjenti biżżejjed biex jiġġustifikaw iżjed indħil fid-dritt tal-ħelsien personali ta’ dik il-persuna,” qalet il-Qorti Kriminali.

Nuqqas ta’ mekkaniżmu addottat

F’dan id-digriet pero’, kompliet il-Qorti, din id-darba b’żieda mal-kundizzjonijiet soliti hija tħoss li in vista tal-fatt li l-Istat ma pprovdiex mekkaniżmi idoneji sabiex jikkontrolla l-moviment ta’ kull akkużat li għandha tobbliga lill-pulizija eżekuttiva, li wara kollox għandha d-dover li tipprevjeni li jsiru reati, li hi stess tagħmel il-moniteraġġ b’mod personali fuq Cini, kull meta jidrilha xieraq meta hu ma jkunx konxju ta’ dan.

Dan sabiex tassikura lill-Qorti li l-ordnijiet taghha qed jigu segwiti. Il-Qorti qalet li fuq rakomandazzjoni tagħha sabiex ikun hemm tibdiliet fil-liġi dwar l-‘electronic tagging’ għadha ma ħietx fis-seħħ. Ingħad ukoll li l-qofol kollu tal-ħelsien mill-arrest huwa dak li jħares il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-persuna mixlija u fl-istess waqt jagħmel tajjeb għall-possibilità li l-kaz kontra l-persuna miżmuma jieħu z-zmien xieraq tiegħu mingħajr ma jxekkel aktar
minn kemm meħtieġa il-jedd ta’ l-istess persuna għal-libertà tagħha.

F’dan ir-rigward, għalhekk, l-għan tal-ħelsien mill-arrest ikun prinċipalment dak li jiżgura li l-persuna meħlusa ma tonqosx li tidher fil-każ tagħha kull meta tissejjaħ. Għalhekk, Qorti għandha taghti l-ħelsien mill-arrest biss fejn tkun soddisfatta li l-prezenża tal-persuna mixlija fil-proċeduri kontra tagħha tkun garantita.

Kundizzjonijiet fuq l-akkużat

Jinghad illi kemm minn eżami ta’ dan il-proċess, kif ukoll minn eżami tal-fedina penali ta’ Cini, ma irriżultax li huwa naqas milli jidher il-Qorti ghal xi seduta meta kien notifikat. Il-Qorti qalet li għalhekk laqgħet it-talba għall-libertà proviżorja u dan taħt diversi kundizzjonijiet li jinkludu; li jidher u joqgħod għal kull ordni tal-Qorti, li jiddepożita b’effett immedjat kull passaport, “travel document” jew dokument uffiżjali ieħor li jista’ jinsab fil-pussess tiegħu, inkluża kull karta tal-identità jew ta’ residenza.

Kundizzjoni oħra hija li ma jħallix ew jipprova jħalli dawn il-Gżejjer jew jinħeba, kif ukoll li ma jitlax jew jipprova jitla’ fuq xi dgħajsa, lanċa, ‘yacht’, vapur jew mezz ieħor ta’ trasport ikun ta’ liema xorta jkun li bih jista’ b’xi mod joħroħ mit-territorju Malti u li huwa qiegħed jiġi espressament ipprojbit milli jersaq f’distanza ta’ anqas minn 50 metru mill-kosta jew minn ajruport.

Ukoll li ma jkellimx jew javviċċna, tramite terzi, u anqas bit-telefon jew b’xi mezz ieħor, lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni; li ma jikkommettix delitt iehor ta’ natura volontarja waqt li jkun meħlus mill-arrest, li jirrapporta fl-Għassa ta’ Ħal Qormi kuljum bejn it-07:00 u 19:00 u jekk ma jkunx jista’ jirrapporta għandu jibgħat ċertifikat mediku fi żmien sitt sigħat mill-ħin li fih qed jiġi obbligat li jirrapporta.

Li huwa għandu jirtira fir-residenza tiegħu mhux aktar tard mit-20:00 u li ma joħroħx qabel is-07.00 tal-għada filgħodu; li jirrisjedi fl-indirizz tiegħu f’Ħal-Qormi u fil-każ li huwa jkun irid jew meħtieġ li jbiddel ir-residenza tiegħu huwa għandu jagħmel rikors lil;-Qorti kompetenti fi żmien 15-il ġurnata qabel ma jagħmel din il-bidla.

Sadaniitantr huwa għandu jagħmel tajjeb għal dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll għal dak kollu li tgħid u trid il-liġi billi jiddepożita is-somma ta’ €20,000 u jagħti garanzija personali ta’ €30,000. Il-Qorti qalet ukoll li l-Pulizija għandha tagħmel ir-rondi taghha b’mod ripetut fuq Cini bil-għan li tċċerta lill-Qorti li qiegħed isegwi il-kundizzjonijiet impost
minnha f’dan id-digriet.

Fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni waħda, il-pulizija għandha minnufih toħrog akkuża fil-konfront tiegħu. Jekk
f’każ li Cini jikser waħda jew aktar minn dawn l-obbligazzjonijiet, jitlef il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, jinħareġ mandat t’arrest kontrih r-rikorrent u d-depozitu u l-garanzija personali b’kollox fl-ammont ta’ €t0,000) tgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta,

Il-Qorti ordnat ukoll li kopja ta’ dan id-digriet jigi notifikat lill-Ministru tal-Intern u l-Ministru tal-Ġustizzja sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kontenut tiegħu bil-għan li ikun hemm intervent leġislattiv fl-applikazzjoni tal-‘electronic monitoring’ jew sabiex jipprovdu xi forma ta’ mekkaniżmu ieħor għal moniterġġ tal-movimenti ta’ bniedem akkużat li qed igawdi mill-libertà provviżorja u dan bil-għan illi jonqsu r-ripetizzjonijiet tar-reati kommessi mill-persuni li jingħataw il-libertà proviżorja. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Alfred Abela assistew lil Cini.