Internazzjonali

Zelensky b’appell emozzjonanti waqt il-ftuħ tal-festival ta’ Cannes

Illum ftit huma dawk illi jiftakru minn fejn beda Volodymyr Zelensky – iżda l-passjoni tiegħu għall-palk u d-dinja tal-ispettaklu reġgħet spikkat ilbieraħ, meta kien mistieden jindirizza l-ftuħ tal-Cannes Film Festival.

F’dehra-sorpriża li għamel permezz ta’ video-link, Zelensky indirizza ċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dan il-festival prestiġġjuż fejn tkellem dwar ir-rwol taċ-ċinema fl-ambitu ta’ dak li qed iseħħ bħalissa fl-Ewropa. F’mument minnhom, Zelensky kwota silta mill-film “The Great Dictator”, fejn stqar li “id-dittaturi jmutu, u l-poter li jkunu ħadu mingħand in-nies…jirritorna għand in-nies”.

Il-President Ukren insista li lanqas id-dinja taċ-ċinema ma tista’ tibqa’ siekta quddiem din il-gwerra.

Il-Festival ta’ Cannes din is-sena qed jiċċelebra l-75 anniversarju tiegħu. U fost il-films li qed jintwerew hemm “Final Cut” u l-verżjoni 2022 taċ-ċelebri “Top Gun”.