Lokali Qorti

Anzjan jallega li hu vittma ta’ ‘frame-up’ mill-Pulizija

Anzjan vulnerabbli qed jallega li huwa vittma ta’ ‘frame-up’ mill-Pulizija għax wara li spiċċa ssawwat minn mara Filippina, li kienet il-‘carer’ tiegħu, minflok il-Pulizija pproteġewh wara rapporti li għamel, ressqu lilu l-Qorti b’akkużi serji u lilha ħallewha fil-libertà kollha f’Malta meta suppost kellha tiġi deportata.

Qed jiġi allegat minn Catania li l-mara vvintat storja kontrih biex tibqa’ Malta u li hemm uffiċjal tal-Pulizija li qed jiggwida lil mara dwar dan kollu u kif tmexxi kontrih. Anthony Catania qed jgħid ukoll li huwa ġab il-provi kollha ta’ kif seħħew l-affarijiet iżda minn vittma huwa spiċċa l-aggressur.

Huwa qal dan l-uffċċjal għoli tal-Pulizija qed jiġi protett mill-Pulizija stess tant li meta Spettur tal-Pulizija mar jagħmillu tfittxija d-dar, ħadlu ritratt tiegħu (tal-Pulizija li qed jipproteġi lill ‘carer’) li kien se juża bħala prova fil-każ. Catania ta’ 69 sena, residenti l-Imsida ppreżenta rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, l-Ispettur John Spiteri u l-Avukat Ġenerali.

Huwa qed jallega li qed isofri minn ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem u qed jitlob kumpens xieraq għal dak kollu li sofra u għadu jsofri sal-lum. Huwa qed jallega wkoll li l-Ispettur John Spiteri waqt it-tfittxija li għamillu fuq akkużi li saru kontrih iċċekkjalu statements tal-bank u konvenju li kien għamel ma’ persuni oħra, u li l-istess uffiċjal tal-Pulizija qallu, “hawn għandek iddaħħal 360,000 ewro!”.

L-anzjan spiċċa akkużat u nhar il-Ħamis li għadda kellu jibda jinstema’ l-każ tiegħu fejn qed ikun mixli li hedded mara Filippina, li kienet il-“carer” tiegħu, li ttraffikaha, abbuż ta’ poter fuqha, li stupraha, li kkommetta atti ta’ natura sesswali, li żamma kontra l-volontà tagħha u li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza kontriha.

Il-Pulizija qed tipproteġi lil Filippina


Catania qed jgħid li l-uffiċjal tal-Pulizija li huwa kellu ritratt tiegħu u li kien importanti għal każ qed jipproteġi lil mara Filippina u qed jgħinha f’dan kollu. Qal li meta huwa waqqafha milli tkun il-“carer” tiegħu bdiet tivvinta fuqu u tagħmel akkużi foloz.

L-anzjan qed jallega wkoll li l-mara Filippina ħaditlu l-password mill-computer tiegħu biex kellha aċċess għal credit card, serqitlu l-passaport, sawwtitu, girfitu spiċċa mili dmija, u minkejja dawn il-provi ressaqhom lill-Pulizija, minn vittma huwa spiċċa l-aggressur.

Il-każ tiegħu li kellu jibda jinstema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ma sarx minħabba li kellu appuntament l-isptar, kif ikollu ta’ spiss. Mill-isptar u lanqas it-tabiba tiegħu ma riedux jagħmlulu ċertifikat biex juri bħala prova li kien l-isptar u għalhekk ma setax jattendi għas-smigħ tal-kawża.

Għaldaqstant inħatar l-espert tal-Qorti it-tabib Mario Scerri li għamel il-verifiki tiegħu l-isptar u li sab li Anthony Catania kien l-isptar u li dan għandu bżonn jattendi ta’ spiss Mater Dei għall-kura. L-Avukat ta’ Catania Anthony Stellini issa se jagħmel talba lill-Imħallef li tiġi assenjata lilu jew lilha l-kawża għal interim measure biex sakemm jiġi deċiż ir-rikors kostituzzjonali, l-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ma jibdix.

Catania diġa kien informa b’dan l-aġir lill-partijiet permezz ta’ protest ġudizzjarju. Huwa anke nfurmahom li qed jieħu trattament ta’ kimoterapija u radjuterapija. Huwa qal li minkejja li għamel diversi rapporti mal-Pulizija fil-konfront tal- Filippina, l-awtoritajiet minflok għenuh, ddieħqu bih u flok bdew jinvestigaw dak li huwa qalilhom, spiċċaw biex ħadu passi kontrih.

Catania qal li l-uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija li kontrihom qed jippreżenta r-rikors flok jipproteġu lilu qed jipproteġu lil min għamel il-ħażin u li għaldaqstant dan l-aġir iffiser li d-dritt fundamentali tiegħu qed ikun soġġett għal trattament inuman u degradanti skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Catania qal ukoll li huwa għamel rapporti fl-Għassa tal-Imsida fid-29 ta’ Diċembru tal-2019 huwa rrapporta li Ronalyn Dolor Magbalot, kienet attakkatu u aggreditu. L-għada huwa għamel rapport ieħor simili fejn qal li l-istess persuna li suppost kienet tieħu ħsiebu fir-residenza tiegħu l-Imsida, spiċċat anke toffendih.

Il-Pulizija baqgħet ċassa għar-rapporti ta’ Catania

Huwa għaldaqstant talab il-protezzjoni tal-Pulizija, bħala anzjan, vulnerabbli u marid u fil-fatt talab għal din l-għajnuna għal xejn. Qal li minkejja r-rapporti li għamel Magbalot baqgħet tiġri barra u baqgħu ma bagħtux għaliha biex tiġi nvestigata, minkejja li għaddew iktar minn sentejn u erba’ xhur mir-rapporti tiegħu.

Catania bagħat kwerela sabiex il-Filippina tiġi nvestigata u jittieħdu passi kriminali kontriha lill-Ispettur tal-Pulizija, fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Sadanittant il-Filippina għamlet stqarrijiet ġuramentati folox fuqu lill-Pulizija tal-Vice-Squad, b’reati li huwa m’għamilx.

L-anzjan qal li dan huwa reat u li l-Filippina kienet ivvintat fuqu wara li waqfilha l-permess ta’ residenza mal-Aġenzija Identity Malta. Tenna li l-istqarrijiet foloz u malizjużi għamlithom mal-Ispettur Lara Butters mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni, meta din kienet se tibgħata lura lejn pajjiżha.

Catania talab ukoll lill-Pulizija biex jiproċedu kriminalment fil-konfront tagħha wkoll talli serqitlu elfejn ewro u l-passaport tiegħu minn daru stess. Fil-kwerela msemmija huwa kien wissa u nforma lill-Pulizija li jekk ma jittieħdux passi kriminali kontra l-mara Filippina, huwa ma kienx se jibqalu alternattiva oħra li jmexxi skont il-liġi.

Huwa kien diġa wissa wkoll li lest li jiftaħ proċeduri Kostituzzjonali kontra l-uffiċjali tal-Pulizija li m’għamlu xejn. Sostna li fis-26 ta’ Jannar li għadda bagħat ukoll ittra indirizzata liċ-Chairperson tal-Bord Indipendenti Għall-Ilmenti Dwar il-Pulizija, fid-Depot tal-Floriana. Huwa talab biex il-Bord jinvestiga l-allegati komplotti fil-konfront tiegħu.

Kien allega li l-komplotti saru minn uħud mill-uffiċjali tal-Pulizija u persuni oħra. Fir-rikors l-anzjan semma’ wkoll li fl-ċ1 ta’ Ottubru li għadda kien bagħat email lill-Assistenta Kummissarju tal-Pulizija, peress li hu ma jafdax lill-Ispettur John Spiteri, fejn dan kien għamel tliet minuti jidħaq bih fil-preżenza tal-Avukat li kellu dak iż-żmien.

Ir-rikors jgħid ukoll li huwa kien irrapporta lill-Filippina mal-Aġenzija Identity Malta biex jinfurmahom li mhux tagħmel ix-xogħol li għalih ġiet impjegata. Ingħad ukoll li dawn kienu avżaw lil Jobplus fejn l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni kien itterminalha l-impieg.

Ir-rikors jgħid ukoll li l-proċeduri kriminali li qed jittieħdu fil-konfront ta’ Catania u li dawn bdew mill-Ispettur John Spiteri bil-barka tal-Kummissarjui tal-Pulizija, Angelo Gafa, għandhom jiefqu b’mod immedjat. It-talba minn naħa ta’ Catania tgħid ukoll li f’pajjiż li suppost huwa demokratiku u membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Kompla li filwaqt li l-Pulizija għandhom ikunu rispettati u li l-ordnijiet tagħhom jiġu osservati, wieħed ma jistenniex li investigazzjonijiet serji bħal dawn li jikkonċernaw anzjan vulnerabbli, l-Ispettur John Spiteri, ma jinvestigax kif suppost.

Frame up maħdum bizzilla

Qal li lanqas huwa sew li mhux talli dawn l-investigazzjonijiet ma jsirux b’mod għaqli, imma jsir ‘frame up’ maħdum bizzilla b’komplitt sħiħ, bil-konsegwenzi li dan jista’ jġib miegħu, iżjed il-quddiem, b’dannu kbir finanzjarju, fiżiku, morali u psikoloġiku fil-konfront ta’ Catania.

Ir-rikors jgħid li f’Malta suppost tirrenja s-saltna tad-dritt fejn il-ħtija jew in-nuqqas tagħha għandha tiġi determinata mill-Qorti u dan billi l-investigazzjonijiet isiru kollha kif suppost. “Ħadd ma għandu jkun suġġett għall-piena jew trattament inuman u degradanti”, ikompli jgħid.

Catania qed jitlob lill-Qorti tiddikjara lill-partijiet kollha li kontrihom qed isir ir-rikors bħala ħatja ta’ frame up u li m’għamlux l-invesigazzjoni serja u ħolisitika fil-konfront tiegħu. Anke li ma ħadux passi krimnali fil-konfront tal-mara Filippina.

Filwaqt li dan kollu ifissier ksur tad-drittijiet fundamentali, l-anzjan qed jitlob lill-Qorti biex tindirizza dawn in-nuqqassijiet u ksuir b’kumpens ġust u adwegwat u dan taħt il-provedimenti xierqa u opportuni li l-Qorti Kostituzzjonali joġgħobha tagħmel jew tagħti.

Ir-rikors sar ukoll kontra l-konjuġi tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u l-Ispettur John Spiteri, jiġifieri n-nisa tagħhom, u dan biex ikunu parti mill-kawża mil-lat ta’ kumpens. Ir-rikors ġie ffirmat mill-Avukat Anthony Stellini. Il-ġimgħa dieħla mistenni jiġi assenjat il-każ quddiem Imħallef.