Internazzjonali

Il-Finlandja: Mhumiex ilaħħqu mad-domanda għall-birra ‘tan-NATO’

Il-birrerija fil-Finlandja li qed tipproduċi birra ġdida biex tikkommemora d-deċiżjoni storika tal-pajjiż biex japplika għal sħubija fl-Alleanza tal-Punent ma tistax tlaħħaq mad-domanda enormi għall-‘birra tan-NATO’.

Il-popolarità tad-deċiżoni tal-Finlandja biex tibdel l-istatus tan-newtralità qed tkun riflessa anki fl-aspett kulturali — bil-poplu ta’ dan il-pajjiż mhux jitlef l-okkażjoni biex iduq din il-birra ġdida għall-ewwel darba.

Il-birrerija li qed tipproduċi n-‘NATO beer’  hi bbażata f’ Savonlinna, xi 50 kilometru ‘il bogħod mill-fruntiera mar-Russja. Il-bażi tal-birrerija hi, fil-fatt, bini li kienet ittellgħet fi żmien meta l-Finlandja kienet għadha tifforma parti mill-Imperu tar-Russja, fl-1909.

Is-sid tal-birrerija, Petteri Vanttinen, qal li l-bejgħ tal-birra ‘li anki tissimbolizza l-libertà’ żdied għal livelli straordinarji mindu l-prodott mar ‘viral’ fuq il-media soċjali.

‘Normalment, aħna nbiegħu madwar mitt landa birra kuljum u issa l-ammonti (tal-bejgħ tal-birra ġdida)  żdiedu għal aktar minn 2,000 landa ( għal kull ġurnata)’ tenna Petteri Vanttinen.