Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja waqqfet il-provvisti tal-gass lill-Finlandja

Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, waqqfet il-provvista tal-gass naturali lill-Finlandja. Dan il-pass – ikkonfermat mill-kumpannija tal-enerġija Finlandiża Gasum – kien ftit jew wisq mistenni u meta jidher li kibru l-problemi bejn Helsinki u l-Kremlin ta’ Moska.

Il-Finlandja, sallum, irrifjutat li tħallas bir-rubli għall-gass mir-Russja –  u bħalma qed tinsisti Moska. Intant, il-Gvern Russu jidher li ‘qed janalizza mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali’ ladarba l-Finlandja (l-istess bħall-Iżvezja) ħabbret li qed tapplika għal sħubija fin-NATO.

Il-kelliema għal Gasum qalu li ddispjaċihom għal dan il-pass tar-Russja iżda sostnew li l-poplu Finlandiż mgħandux ikun daqshekk affettwat. Dan għaliex filwaqt li l-Finlandja timporta l-parti kbira tal-gass mir-Russja, dan ir-riżors jammonta għal anqas minn għaxra fil-mija tal-konsum tal-enerġija fuq bażi nazzjonali.

Ir-Russja – minkejja l-gwerra tal-Ukrajna – għadha qed tissupplixxi l-gass lil ħafna pajjiżi Ewropej. Sadanittant, Moska qed tgħid li ‘il-pajjiżi ostili’ iridu jħallsu bil-munita tar-Russja ( ir-rubli)  għall-gass li jipproduċi pajjiżha – bl-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra dan il-pass bħala rikatt ċar mill-Gvern ta’ Vladimir Putin.