Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jgħid li r-Russi biddlu lid-Donbas ‘f’infern sħiħ’

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, żvela li l-qawwiet tar-Russja ‘qerdu kompletament’ ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, li ilu mill-2014 bi preżenza qawwija ta’ separatisti leali għal Moska.

Zelensky waqt diskors fi Kiev, fisser iz-zoni tad-Donbas okkupati mir-Russja bħala ‘speċi ta’ infern’ u fejn jispikkaw biss ‘widien ta’ qerda u dmija.’

Dan meta komplew deħlin rapporti dwar ċivili maqtula waqt il-bumbardamenti kontinwi fuq Luhansk, li jifforma parti mid-Donbas.

L-inħawi ta’ Luhansk, flimkien ma’ Donetsk, kienu dikjarati bħala ‘Repubbliki indipendenti mill-Ukrajna’ mill-President Russu Vladimir Putin, jiem biss qabel l-invażjoni tar-territorji Ukreni mill-qawwiet tal-Kremlin ( fl-24 ta’ Frar).

Il-President Zelensky, sadanittant, sostna li mhux qed jeżaġera fid-deskrizzjoni tad-Donbas bħala ‘infern għan-nies li qed jgħixu hemm’. Hu fl-istess ħin ikkundanna lil Putin u l-Kremlin talli qed imexxu offensiva diretta fuq il-poplu tal-Ukrajna bil-ħsieb speċifiku li jinqatlu l-massimu possibbli ta’ ċivili.

Dan waqt li r-Russja, fl-aħħar sigħat, intensifikat il-bumbardamenti fuq id-Donbas u l-madwar, bl-Armata ta’ Putin tikkonċentra baraxx ta’ balal u missili fuq id-difiżi tal-Ukreni – flimkien mal-komunitajiet taċ-ċivili — fl-inħawi.