Internazzjonali

Jeżaminaw il-każi tal-monkeypox fl-Ewropa

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar il-każi tal-monkeypox li feġġew f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, l-istess bħalma seħħ fl-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada.

Il-każi ġodda ta’ din l-infezzjoni rari kienu rappurtati fi bnadi tal-Belġju, Franza u l-Ġermanja wara l-konferma ta’ każi tal-monkeypox fl-Italja, l-Iżvezja, Spanja u l-Portugall. Dan ukoll wara li l-ewwel każ tal-infezzjoni fl-Ewropa kien irrappurtat jiem ilu fir-Renju Unit.

Il-Monkeypox hu l-aktar komuni fiz-zoni remoti tal-Afrika Ċentrali u l-Afrika tal-Punent.

Il-każi tal-infezzjoni barra dawn ir-reġjuni, fil-parti kbira, huma assoċjati mal-ivvjaġġar lejn dawk l-inħawi.

Sadanittant, is-servizzi tas-saħħa fir-Renju Unit qed jgħidu li infezzjoni bil-Monkeypox, fil-parti kbira, ma tħallix l-effetti gravi u li l-parti kbira tal-pazjenti jirkupraw minnu fi kwistjoni ta’ ġimgħat..Il-virus ma jinfirixx daqstant faċilment bejn in-nies, bl-esperti jsostnu li s-sogru għall-pubbliku huwa pjuttost baxx fiċ-ċirkustanzi.