Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara sejba ta’ droga u armi tan-nar

Shawn Theuma ta’ 43 sena, residenti x-Xewkija ġie mixli fil-Qorti ta’ Għawdex b’pussess ta’ droga kokaina u kannabis f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana li kellu armi tan-nar mingħajr liċenzja. Hu wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih u nżamm arrestat.

Il-Pulizija ressqet lir-raġel wara li rnexxielha twaqqaf dak li jidher li kien se jkun traffikar ta’ kwantità ta’ droga waqt attivitajiet tal-Karnival li se jsiru fi tmiem din il-ġimgħa f’Għawdex. F’rejd f’razzett fin-Nadur, apparti d-droga l-Pulizija sabu armi tan-nar u flus, bil-Pulizija tarresta lil Theuma u tressqu l-Qorti.

Fit-trattazzjoni għat-talba tad-difiża biex l-akkużat ma jingħata l-libertà proviżorja, hija qalet li l-ġenituri ta’ Theuma li kienu preżenti fl-awla qalu li kienu lesti joqogħdu garanti għal binhom. Il-Maġistrat staqsiet lill-missieru hux jifhem sewwa dak li qed jgħid, billi b’dan il-mod kien qed jidħol fiż-żarbun ta’ ibnu.

Missier qal li fhem u kkonferma kollox għax qalk li jafda lil ibnu. Il-Maġistrat Sultana iżda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, b’Shawn Theuma jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-operazzjoni twettqet minn uffiċċjali tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga mgħejjuna mit-Taqsima tal-Klieb li telgħu apposta minn Malta.

l-Pulizija waslu għal din il-qabda wara li żammew taħt għajnejhom razzett fl-inħawi tan-Nadur wara li rċevew informazzjoni li minn hemm seta’ kien se isir traffikar ta’ droga waqt attivitajiet tal-Karnival fi tmiem din il-ġimgħa f’Għawdex.

Kien il-Ħamis filgħodu, li l-Pulizija ċċirkondaw ir-razzett, daħlu ġewwa u arrestaw lil Shawn Theuma li l-Pulizija qalu li nstab li kien armat b’pistola kkargata. Hawn il-Pulizija ħadulu l-pistola u arrestawh. Fil-karozza tal-akkużat instabet droga u waqt tfittxija fir-razzett instabu diversi qratas li jammontaw għal 40 gramma kokaina u 300 gramma ħaxixa tal-cannabis allegatament biex tiġi traffikata.

Minbarra d-droga, fir-razzett instabu mat-€53,000 fi flus, żewġ rifles u munizzjon. Il-Pulizija qalu li l-armi kollha mhumiex liċenzjati. Dwar dan ir-rejd infetħet inkjesta mill-Maġistrat Simone Grech li ħatret diversi esperti biex jgħinuha.  Għall-akkużat deheru l-Avukati Dr Stefano Filletti u Dr Joe Reno Vella. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.