Raġel ta’ 43 sena residenti r-Rabat, Għawdex, ġie arrestat waqt operazzjoni li saret mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Wara li l-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar il-possibilità ta’ traffikar tad-droga waqt xi attivitajiet tal-karnival t’Għawdex, bdew mill-ewwel l-osservazzjoni fuq razzett fl-akwati tan-Nadur.
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-10:00, il-Pulizija ċċirkondaw ir-razzett, daħlu ġewwa u arrestaw lir-raġel, li f’dak il-mument kien armat b’pistola.
Minnufih il-Pulizija elevaw l-arma u waqt tfittxija, bil-Pulizija ta’ Kontra d-Droga jkunu assistiti mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Klieb, instabu diversi qratas suspettata kokaina u ammont ieħor ta’ sustanza suspettata kannabis, allegatament biex tkun ittraffikata. Minbarra d-droga, instabu ukoll mat-€53,000 fi flus kontanti, żewġ rifles u munizzjoni. Irriżulta li l-armi kollha ma kinux liċenzjati.
Il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D qed tmexxi inkjesta mgħejuna minn numru ta’ esperti.
Ir-raġel mistenni jitressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex illum, għall-ħabta tat-15:00, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana
//= $special ?>