Lokali Sport

Il-PN jifraħ lill-atleti Maltin tal-Ispecial Olympics u jfaħħar l-organizazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-atleti kollha Maltin li kienu parti mill-kontinġent Malti, li fil-jiem li għaddew ipparteċipaw fl-edizzjoni tal- Ispecial Olympics Invitational Games li saru f’pajjiżna. Dan kien avveniment suċċess, mhux biss mill-aspett organiżżativ iżda ukoll mill-għadd ta’ riżultati u rebħ ta’ midalji. B’kollox Malta rebħet 192 midalja ta’ lewn differenti, b’65 minnhom ikunu tad-deheb.

Fi stqarrija konġuntanta, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-isport fil-Parlament, Graham Bencini, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-inklużjoni Graziella Galea u ċ-Chairman ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista, Christian Micallef iddeskrivew dak li għamlu l-atleti Maltin f’din l-edizzjoni tal-Invitational Games tal-Ispecial Olympics, fid-diversi dixxiplini sportivi, bħala ‘sempliċiment eċċezzjonali’. Aktar minn hekk, dawn ir-riżultati huma konferma tad-dedikazzjoni u l-impenn li dawn l-atleti, li għandhom bżonnijiet speċjali, flimkien mal-kowċis u l-uffiċjali tagħhom, ilhom juru lejn l-isport.

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi x-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin mid-diversi gvernijiet, inkluż dak preżenti, biex l-atleti Maltin tal-Ispecial Olympics jingħataw l-aħjar attenzjoni biex inkomplu jimirħu f’kultura sportiva tkompli tkun dejjem aktar inklussiva.

Bl-istess mod għadna nuru l-apprezzament tagħna lejn il-mod ta’ kif dawk responsabbli minn din l-organiżazzjoni, ħadu ħsieb li jkolna avveniment sportiv ta’ livell internazzjonali daqstant għoli. Dan kollu għandu jawgura tajjeb, partikolarment għas-sena li ġejja, meta f’Malta se nkunu qed norganiżżaw fost l-oħrajn, żewġ avvenimenti kbar u ta’ reputazzjoni internazzjonali għolja, bħal m’huma l-UEFA Euro 2023 ta’ taħt id-19-il sena u l-GSSE 2023.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappoġja l-impenn u l-ħidma li qed issir mill-Gvern biex jgħolli u ssaħħaħ il-profil tal-kumitat tal-Ispecial Olympics f’Malta. Madankollu, jappella biex l-istess attenzjoni u għajnuna, tingħata ukoll lill-kumitat Paralimpiku Malti. Din tal-aħħar hi organiżazzjoni sportiva oħra importanti li għal kontra tal-Ispecial Olympics, ma tirrapreżentax atleti b’diżabbilitá intelettwali, iżda tirrappreżenta atleti li jkollhom xi forma ta’ diżabbilitá fiżika.