Lokali

Rabja kbira għall-kummenti ta’ Chris Fearne

Filwaqt li l-ħajja qed tgħola kullimkien, il-minimum wage f’10 pajjiżi Ewropej hija ogħla minn ta’ Malta. Dan, huwa wieħed mill-ħafna fatturi għalfejn inħolqot rabja kbira fuq il-mezzi soċjali, għall-kummenti tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Skont id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel f’pajjiżi oħrajn qed jiżdiedu aktar mill-prezzijiet f’Malta. Dan qalu f’risposta għad-domandi ta’ Net News, meta saqsejnih x’qed jagħmel il-Gvern quddiem l-isplużjoni fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi li jinxtraw mill-familji u l-anzjani.

Kummenti li ħolqu rabja enormi fuq Facebook, b’mod partikolari fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Net News li f’temp ta’ ftit sigħat kellha ftit inqas minn 1,000 kumment, li l-maġġoranza assoluta tagħhom kienu kummenti ndirizzati lil Chris Fearne, b’argumenti validi ħafna.

L-iktar kummenti li spikkaw kienu dawk tal-pagi. U bir-raġun, għaliex kif spjegaw mijiet ta’ persuni, għalkemm il-ħajja, kif qal Fearne, qed tgħola kullimkien, il-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin għolew biss 1.75.

Oħrajn qalu lil Ministru li jimpurtahom minn Malta u mhux mis-sitwazzjoni ta’ barra. Dan meta ma qablu xejn bil-ġustifikazzjoni tal-Ministru li f’pajjiżna qed tgħola l-ħajja kif l-istess qed jiġri fi bnadi oħrajn.

Kumment partikolari fakkar lill-Ministru li fejn irid il-Gvern jiftaħar kemm aħna aħjar minn ta’ barra u jgħid li ‘l-aqwa fid-dinja’, u issa għax jaqbillu qed iġib skuża b’dak li qed jiġri barra minn xtutna.

Persuna partikolari, f’kumment li qanqal ħafna diskussjoni, spjegat kif bhalissa f’pajjiżna hawn il-kugini tagħha mill-Awstralja, li jigu spiss hawnhekk iżda li ilhom ma jiġu sa mill-2019 minħabba l-Pandemija. Hija spjegat kif qabel, kull meta ġew f’pajjiżna kienu spiss jgħidu kemm hi rħisa l-ħajja f’Malta… iżda issa, kliemhom inbidel ħafna għaliex saħansittra qed jgħidu li l-prezzijiet għolew tant li ġew daqs tal-Awstralja. Dan filwaqt li l-pagi fl-Awstralja, kif spjegat din il-mara fil-kumment tagħha, huma, tlier darbiet, jew erba darbiet, aħjar minn ta’ Malta.

Fost il-mijiet ta’ kummenti, kien hemm min fakkar lil Chris Fearne, li mhux kulħadd għandu l-paga tiegħu jew il-paga li l-Ministru ta’ liċ-Chief of Staff tiegħu, Carmen Ciantar. “Dr Fearne kull rispett. Il-but tiegħek mhux Il-but tiegħi. Inti tixtri xi ħaġa u ma tħossiex u jien nisallab għaliha u jekk ma nasalx nħallas il-loan malajr iċempillek il-bank. Kapriċċ ma nistax ngħamlu u b’żewġ pagi ma nlaħħqux.”