Internazzjonali

Renju Unit: Jissemmew bħala bliet ġodda fl-okkażjoni tal-Ġublew tar-Reġina

Issemmew tmient ibliet ġodda fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra. It-titlu ġdid hu rriservat għal talanqas lokalità waħda f’kull pajjiż tar-Renju Unit, kif ukoll għall-Gżejjer tal-Falklands u l-Isle of Man li jaqgħu taħt is-sovranità Britannika.

It-titli qed jingħataw lil Milton Keynes fl-Ingilterra, Dunfermline fl-Iskozja, Bangor, fl-Irlanda ta’ Fuq u Wrexham f’Wales.

L-unur qed ikun irriservat anki għall-ibnadi ‘il hinn mir-Renju Unit magħrufin bħala Overseas Territory. F’dan il-każ it-titlu ġdid ta’ belt ingħata lil Stanley, fil-Falklands u lil Douglas fl-Isle of Man.

L-unur Irjali qed jingħata wkoll lil Colchester u Doncaster fl-Ingilterra.

Fil-kompetizzjoni għall-unuri ċivili waqt l-okkażjoni tal-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina, l-applikanti kellhom juru l-wirt kulturali tagħhom u l-konnessjonijiet mal-Kuruna. Huma, fl-istess ħin, ippreżentaw il-provi dwar kif l-identità lokali tagħhom tikkwalifikahom għall-istatus ta’ belt.

Intant, l-ibliet il-ġodda għandhom jattiraw aktar barranin, bil-komunitajiet tagħhom jingħataw spinta anki waqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għar-residenti.