Lokali Qorti

Sieħeb l-akkużat jgħid:”Il-vittma li nqatel f’Għawdex dan ix-xahar mar biex jiġġieled”

Il-vittma ta’ qtil f’Għawdex mar fl-appartament ta’ Marsalforn fejn inqatel biex jiġġieled u jsolvi kwistjoni li ilha għaddejja mar-raġel akkużat li tah daqqa ta’ sikkina li wasslet għall-mewt, qal spettur tal-pulizija. L-ispettur tas-CID Shaun Pawney qal li mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li Fawaz Najem (ritratt) ta’ 25 sena kien mar f’appartament fejn kien jgħix Maher Aljasem ma’ grupp ta’ rġiel, armati bi travi tal-injam, pajpijiet tal-metall u anke siġġu tal-injam.

Qal li Aljasem sofra ġrieħi estensivi, l-aktar f’rasu u dahru b’investigazzjonijiet li juru li kien f’pożizzjoni difensiva meta weġġa’. Skont sieħeb ta’ Aljasem, li jgħix miegħu, Fawaz u l-grupp tiegħu bdew il-ġlieda malli wieġeb taħbita u mar jiftaħ il-bieb, u eventwalment daru fuq Aljasem meta rawh.

L-Ispettur Pawney kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ provi fil-Qorti ta’ Għawdex kontra Aljasem ta’ 24 sena li jinsab mixli li qatel konnazzjonali f’Marsalforn aktar kmieni dan ix-xahar waqt konfront bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani f’appartament. Huwa jinsab mixli wkoll li kellu arma waqt ir-reat u li kiser il-paċi. Barra minn hekk huwa ġie mixli li weġġa’ ħafif liċ-ċittadin Sirjan Kazem Abdalaa b’sikkina.

L-Ispettur Pawney spjega li Fawaz mar id-dar ta’ Maher biex isolvi kwistjoni, li kienet bdiet xhur ilu u li kienet diġà wasslet għal ġlieda aktar kmieni dakinhar fis-7 ta’ Mejju. Maher, qal, kien joqgħod Marsalforn ma’ raġel ieħor, Ahmed El Hamdi, li fetaħ il-bieb meta semgħu jħabbat.

Skont El Hamdi, hekk kif fetaħ, Fawaz talab għal Maher “għax ried jaqtagħlu griżmejh”. Huwa qal lill-pulizija li sekondi wara, il-grupp aggredih b’biċċiet tal-injam u pajpijiet tal-metall, u weġġgħu fil-proċess. Pawney qal li skont Maher, kien qed jieħu ‘shower’ fis-sular ta’ fuq meta sema’ kommossjoni isfel u ra grupp ta’ rġiel isawtu lil El Hamdi.

Hekk kif rawh nieżel it-taraġ, l-irġiel ma baqgħux isawtu lil El Hamdi u dawru l-vjolenza tagħhom lejh. Huwa qal lill-pulizija li tkaxkar barra mill-appartament u f’sit ta’ kostruzzjoni biswit fejn l-irġiel komplew isawtuh. L-ispettur qal li Maher qal lill-pulizija li kien qed ixejjer ‘flick knife’ biex ibeżżagħhom iżda skont esperti maħtura mill-qorti, il-vittma kien sofra daqqiet ta’ sikkina apparti feriti b’arma.

Qal li l-vittma ttieħdet l-isptar minn tliet irġiel iżda l-pulizija għadha ma ddeterminatx l-involviment tagħhom, jekk kienux involuti fil-ġlieda. Surġent tal-pulizija li kien l-ewwel fuq il-post, Shaun Tabone, xehed li Maher ammetta miegħu li ta daqqa ta’ sikkina lil raġel wara li ħa sikkina minn idu u laqtu biha.

Qallu wkoll, qabel ittieħed l-isptar għall-kura, li l-grupp li aggredih kien ilu żmien mhux ħażin jaqbad miegħu. Taħt kontroeżami, Pawney ikkonferma li l-aggressjoni bdiet ġewwa l-appartament tal-akkużat u kompliet f’sit ta’ kostruzzjoni fl-inħawi.

Qal li skont El Hamdi, sitta sa tmien persuni marru fl-appartament tiegħu u riedu lil Maher. “Ħafna mill-feriti tiegħu kienu fuq dahru u jidher li kien f’pożizzjoni difensiva. Huwa ma kellu l-ebda laċerazzjonijiet. Id-demm li kien ġewwa u eżatt barra l-appartament kien ta’ El Hemdi għax kellu ferita profonda f’rasu,” huwa qal.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ippresediet il-każ li jkompli l-ġimgħa d-dieħla. L-avukati Peter Fenech, Elena Fenech u Amy Zahra kienu avukati difensuri. L-avukati Franco Debono u Deborah Camilleri dehru parte civile għal Kazem Abdallah filwaqt li l-avukat Matthew Xuereb irrappreżenta lill-vittma. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tlieta, li ġej fid-9.30 u wara hemm seduta oħra il-Ġimgħa, 3 ta’ Ġunju.