Lokali

Stqarrija bi dritt għar-risposta

Issir referenza għall-artiklu f’NETNEWS, il-Ħamis 19 ta’ Mejju 2022 u f’In-NAZZJON tal-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2022 intitolat “Il-Gvern jissikka ċ-ċintorin fiċ-ċivil u jonfoq bla rażan mit-taxxi tal-poplu”.

Intqal li “matul it-tmexxija taċ-Ċivil taħt Mario Cutajar, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-dejn pubbliku sploda bi €3 biljun fl-aħħar sentejn u għalhekk wassal għas-somma totali ta’ €8.2 biljun.”

Kritika għal din in-nefqa iktar hija kritika diretta għall-għajnuniet li ta l-Gvern biex jgħin biex jibqgħu għaddejjin l-industriji u biex ma jintilfux impjiegi. Huwa rikonoxxut li d-dejn żdied minħabba l-miżuri ta’ għajnuna waqt l-imxija. Skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta, f’din il-pandemija, il-Gvern ta’ appoġġ ta’ 9.2% tal-Prodott Gross Domestiku. F’Marzu tal-2013, bla pandemija, il-piż tad-dejn pubbliku kien ilaħħaq is-70% tal-PGD filwaqt li illum, bl-għajnuniet kollha li ngħataw, il-piż tad-dejn huwa ta’ 57% tal-PGD. Dan ifisser li illum pajjiżna għandu dejn nazzjonali li f’termini ekonomiċi huwa ferm anqas milli kien fl-2013.

Imkien ma ssemma la mill-Ministru għall-Finanzi u lanqas mill-Kap tas-Servizz Pubbliku li l-i“spending review” se jsir fuq il-ħaddiema fis-settur pubbliku. Huwa fatt magħruf li n-numru ta’ ftehim settorali u kollettivi milħuqa f’dawn l-aħħar snin huwa bla preċedent u bħalissa hemm mat-30 ftehim settorali jew kollettiv li qegħdin fi stadju ta’ negozjati.

Bi tkomplija ma’ dan id-Direttur tal-Komunikazzjoni għas-Servizz Pubbliku huwa direttur bħal kull direttur ieħor b’pakkett finanzjarju identiku għal kull direttur ieħor. Is-sejħa għal din il-pożizzjoni ħarġet diversi drabi bi proċess tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u x-xogħol jindirizza komunikazzjoni interna u esterna għas-Servizz Pubbliku. Servizz li ilu jinħass il-bżonn tiegħu biex isiru t-tibdiliet meħtieġa u li llum 70% tal-popolazzjoni juru li huma kuntenti bis-servizz mogħti.

Kurjuża kif l-Onorevoli Parlamentari li taw il-kummenti tagħhom ma jagħrfux id-differenza bejn il-komunikazzjoni politika u l-komunikazzjoni għas-Servizz Pubbliku. Minn naħa jsir diskors fuq l-indipendenza tas-Servizz Pubbliku, imma l-Onorevoli membri jinsistu li s-Servizz Pubbliku juża’ strutturi politiċi.

Fl-aħħarnett kien ikun ferm iktar utli kieku ġie mistoqsi x’ħidma ssir f’Heritage Malta mis-Sur Cutajar iktar milli jiġi kkritikat għax jagħti sehmu u jitħallas mill-Aġenzija. Is-Sur Mario Cutajar kien strumentali biex Heritage Malta saħħet ir-rwol tal-id operazzjonali tal-pajjiż fir-rigward tal-patrimonju biex ġew trasferiti u nxtraw siti u ġew akkwistati artifatti ta’ valur kbir għall-patrimonju Malti u tfaslu strateġiji u viżjoni għall-aġenzija biex ikun aċċessibbli iktar il-patrimonju tal-poplu Malti.