Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Ian Lang

Dalgħodu fil-Knisja tal-Balluta ngħatat l-aħħar tislima lid-DJ maħbub Ian Lang – magħruf għall-kontribuzzjoni tiegħu fix-xena tar-radju u tad-divertiment lokali għal snin twal. Huwa tilef ħajtu lbieraħ fl-età ta’ 55 sena

Diversi qraba, ħbieb u personalitajiet mix-xena tad-divertiment f’Malta li kienu jafu lil Lang attendew għall-funeral tiegħu.

Ian Lang twieled f’Devon, fir-Renju Unit, f’Malta kien sar sinonimu max-xena tal-mużika lokali fejn fil-bidu tas-snin 90 bosta jiftakruh idoqq fl-ewwel stabbilimenti ta’ Paceville – partikolarment id-diskoteka Axis u Styx. Kif ukoll Numero Uno f’Ta’ Qali.

Għal snin twal, saħansitra sa ftit tax-xhur ilu, huwa kien ukoll DJ u preżentatur fuq l-istazzjon tar-radju lokali Bay.

Diversi persuni li taw it-tislima tagħhom lil Lang iddeskrivewh bħala persuna b’karattru simpatiku u partikolari – kollega u wisq aktar ħabib mill-aħjar li żgur se jibqgħu jgħożżu l-memorja tiegħu u l-esperjenzi li qattgħu miegħu tul is-snin.