Wara aktar minn tliet snin, il-katavru ta’ Lassana Cisse, se jintbagħat lura l-Kosta tal-Avorju. Cisse, missier ta’ żewġt itfal, huwa l-vittma ta’ qtil meqjus b’mottiv ‘razzjali’ li seħħ fis-6 ta’ April, 2019. L-aħbar tar-ripatriazzjoni tal-katavru tasal minn sorsi li tkellmu mal-gazzetta Times of Malta.
Lassana ta’ 42 sena nqatel b’tiri fi drive-by f’Ħal Far. Akkużati b’dan il-qtil kienu żewġ suldati żgħażagħ, Francesco Fenech u Lorin Scicluna li ġew akkużati wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġt irġiel oħra u hit and run ta’ persuna oħra. Il-vittmi kollha kienu ta’ karnaġjon skur. Fenech u Scicluna ngħataw il-libertà proviżorja.

U meta l-katavru ta’ Cisse ġie rilaxxat għad-difna disa’ xhur wara l-qtil tiegħu, il-qraba tiegħu ma jistgħux jifhmu għalfejn il-katavru nżamm fil-kamra mortwarja għal żmien daqshekk twil. Sa Marzu tal-2020, il-Gvern Malti kien wiegħed li r-ripatrijazzjoni ssir iżda mbagħad il-COVID-19 waqfet dan milli jsir. Madanakollu, aktar minn sentejn wara, il-familja kienet għadha qed tiġri wara l-Gvern biex il-katavru jintbgħat lura.
Sorsi li tkellmu mat-Times ikkonfermaw li issa l-katavru ta’ Cisse se jittajjar lejn il-Kosta tal-Avorju fil-jiem li ġejjin u se jkun midfun hemmhekk. Jidher li qabel dan, se ssir tifkira żgħira f’pajjiżna.

