Lokali

Bil-Jackhammer sal-4 ta’ filgħodu … bil-barka tal-Ministru

Residenti f’Ħal Balzan ma jorqdux għajn m’għajn – bix-xogħlijiet għaddejjin filgħaxija sal-4 ta’ filgħodu…għal żewġt iljieli sħaħ.

Diversi persuni tkellmu fuq il-midja soċjali fejn esprimew ir-rabja tagħhom… u saħqu li l-familji totalment ma ġewx stmati u l-interessi tagħhom ġew injorati, b’uħud jisħqu illi minkejja li l-Ministru inbidel, l-arroganza assoluta ta’ Aaron Farrugia brillat.

Ix-xoghlijiet ilhom ghaddejin jumejn f’waħda mit-toroq alterjali ta’ Ħal Balzan b’xogħlijiet fi Triq il-Kannizzata, Triq Birbal u Triq il-Kbira.

Bosta saħqu li r-rispett lejn iċ-ċittadin għosfor kompletament…bil-ħoss tal-jackhammer iriegħed lil darhom waqt li jiprovaw jistrieħu biex iqumu għal ġurnata oħra ta’ xogħol.

Residenti li tkellmu ma’ Net News spjegaw li meta ma felħux aktar u pprovaw jagħmlu kuntatt mal-Pulizija, l-uffiċjali qalulhom li ladarba dawn ix-xogħlijiet kellhom il-permess mingħand Transport Malta….u Infrastructure Malta – dawn ma setgħu jagħmlu xejn biex iwaqfuhom.

F’ittra uffiċjali, is-Sindku tal-Lokalità ta’ Ħal Balzan, Angelo Micallef insista li filwaqt li jifhem li x-xogħlijiet iridu jitwettqu huwa inkwetanti l-fatt li dan l-istorbju eċċessiv iseħħ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu…għad-detriment ovvju tar-residenti tal-madwar. Huwa appella sabiex l-awtoritajiet juru r-rispett meħtieġ…u kemmxejn empatija u sensittività lejn il-familji.
Angelo Micallef saħaq li l-Kunsill Lokali kiteb b’urġenza lid-diviżjoni relevanti għall-ħruġ tal-permessi fi ħdan Transport Malta, lill-Enemalta kif ukoll lil Ministri Miriam Dalli u Aaron Farrugia sabiex ikunu konxji b’din l-iskumdità kollha li ħolqu…u appellalhom sabiex ix-xogħol isir f’ħinijiet aktar raġonevoli.

Madanakollu għat-tieni lejl konsekuttiv….ix-xogħol beda għas-7pm….u kompla sal-4 ta’ filgħodu…bil-familji jqattgħu l-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt bit-tiwieqi jitriegħdu.

Tags