Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV jgħid li l-bank irid iħares lejn il-ġejjieni b’mod kawt

Irridu nkomplu b’kontinwità għal ġid tal-klijenti tagħna. Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Rick Hunkin f’intervista li saritlu waqt il-programm fuq Net Television ‘Flusek’ b’reazzjoni għar-riżultat pożittiv li kiseb il-bank fl-ewwel kwart tas-sena.

Dan hekk kif fl-ewwel 3 xhur tal-2022 il-BOV ħabbar qligħ qabel it-taxxa ta’ 22 miljun ewro, żieda ta’ 12.7 miljun ewro metqa mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Madanakollu … insista li x-xogħol għadu mhux komplut.

Hunkin tkellem ukoll dwar iż-żieda fl-ispejjeż…. partikolarment dawk relatati ma’ investimenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV saħaq li huwa ta’ sodisfazzjon li l-klijenti qed jisselfu mill-bank għal raġunijiet ta’ investiment hekk kif dan ifisser li l-ekonomija se tkun qed timxi ‘l quddiem iżda spjega li ma jistax jgħati tbassir b’ċertezza dwar x’se jkun qiegħed jiġri matul il-kumplament tas-sena – b’mod partikolari minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

Rick Hunkin tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-BOV rigward il-kwistjoni ta’ Deiulemar, il-kumpanija marittima li kienet instabet ħatja ta’ frodi – b’7 membri tagħha jinbtgħatu l-ħabs minn Qorti Taljana lura fl-2014.

Il-Bank of Valletta kellha trust ta’ €363 miljun fi ħdan il-kumpanija lura fl-2009 bil-każ jispiċċa jinvolvi lil bank lokali f’battalja legali mal-qrati Taljani.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-BOV laħqu ftehim ta’ €182 miljun….meta oriġinarjament kellhom iħallsu €370 miljun – b’Rick Hunkin jisħaq li din kienet l-aħjar mossa.

Huwa sostna li dan seta’ ssarraf fi proċess twil ħafna, li seta’ żied l-ispejjeż.

Huwa temm billi stqarr li minkejja kollox, ir-riserva kapitali tal-bank għadha soda ħafna b’din l-ispiża se tkun qed tieħu biss 2.2% fil-kapitali tal-BOV.