“Huwa dan il-futur li rridu għat-tfal tagħna?”

Din hija l-mistoqsija li bdew jistaqsu ħafna nies is-Sibt filgħodu fl-Imġarr waqt protesta kontra proġett li qiegħed jhedded li jeqred ammonti kbar ta’ għelieqi fertili li għadhom jistgħu jintużaw għall-biedja.
Matul din il-protesta attendew diversi individwi li jirrapreżentaw il-bdiewa, kif ukoll il-Moviment Graffiti li matul din il-protesta żvelaw kif ‘l-opportunita legali għall-appell’ kontra dan il-proġett ma mexiex kif suppost. Dan filwaqt li allegaw kif diversi Ministri mill-Gvern saħansitra provaw jinfluwenzaw dan il-proċess legali.

Tkellmu wkoll diversi residenti fejn esprmew id-dispjaċir kbir tagħhom, wara li għal darboħra, il-vuċi tagħhom mhiex qiegħda tiġi kkalkulata bħalma diġa ġara f’diversi istanti oħrajn fix-xhur u snin preċedenti wara li numru ta’ għelieqi oħrajn diġa spiċċaw inqerdu. Net News tkellem ma’ Charles Muscat, bidwi li għamel għomru jaħdem fl-għelieqi tal-Imġarr.

Magħna tkellem ukoll Joe Grima, resident l-Imġarr.

Matul din il-protesta diversi kelliema, inkluż is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella, insistew dwar in-nuqqas ta’ konsistenza minn naħa tal-Gvern fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent u l-argrikultura Maltija, speċjalment f’postijiet fejn jikber is-Sagħtar, li huwa protett u ta’ importanza ferm għall-eżistena tan-naħal.

Ma’ Net News tkellem ukoll arkeologu li stqarr li minbarra l-ħsara fuq l-ambjent u fuq l-agrikultura Maltija, dan il-proġett se jħalli impatt negattiv ukoll fuq siti arkeoloġiċi li huma saħasitra protetti mill-UNESCO.

Għal din il-protesta attendew ukoll id-deputati Nazzjonalisti Charles Azzopardi, Ian Vassallo Hagi u Rebekah Cilia fejn urew solidarjeta mar-residenti tal-Imġarr li ħarġu jipprotestaw kontra dan il-proġett filwaqt li insistew dwar il-bżonn li tiġi protetta l-agrikultura Maltija u s-sengħa tal-bdiewa.

Dan kollu jfisser li għal jum ieħor l-ambjent Malti kompla jispiċċa taħt theddida serja bl-appelli ta’ min għandu ġenwinament għal qalbu l-futur u l-ambjent ta’ pajjiżna għal qalbu jiġu injorati…minkejja li l-Labour ta’ Abela ġie elett mill-ġdid fil-Gvern bil-wegħda li se jieħu ħsieb l-ambjent. Iżda s’issa l-fatti qed juru mod ieħor.