Lokali

Mara u raġel bi ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku fil-Furjana

Mara mill-Pietà u raġel mill-Belt Valletta kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku bejn tlett karozzi fil-Furjana.

Il-każ seħħ fi Triq l-Assedju l-Kbir għall-ħabta tal-11:15 ta’ filgħodu meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn Toyota Aygo misjuqa mill-mara ta’ 34 sena, Toyota Vitz misjuqa mill-Belti ta’ 61 sena kif ukoll Porsche Cayenne misjuqa minn raġel ta’ 35 sena wkoll mill-Belt Valletta.

Passiġġiera fit-Toyota Vitz kien hemm mara ta’ 63 sena filwaqt li abbord il-Porsche kien hemm ukoll mara ta’ 33 sena.

Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija li għalqu t-triq għal xi ħin għat-traffiku kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi li ħadu liż-żewġ xufiera tal-vettura Toyota l-isptar għal aktar kura fejn aktar tard ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.