Lokali Qorti

Mhux ħati li ħebb għan-neputi b’minġel

Għawdxi ta’ 42 sena miż-Żebbuġ u li huwa magħruf mal-Pulizija ma nstabx ħati li ħebb għal neputih b’minġel wara li dan ma riedx jixhed kontrih. Paschalino Cefai kien qed jiġim mixli li fit-18 ta’ Jannar li għadda, fl-istess lokalità, kkaġuna ġrieħi ħfief fuq neputih, li heddu, li beżżgħu u li kiser diversi kundizzjonijiet, ordnijiet u sentenzi tal-Qorti.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkritikat l-atteġġament tan-neputi ta’ Cefai li għażel li ma jixhidx. Dan wara li kien n-neputi rrapporta lil zijuh lill-Pulizija fejn kien allega li wara argument bejniethom dan aggredih b’minġel. Wara li investigat il-każ il-Pulizija deherilha li hemm provi biżżejjed fuq il-każ u għalhekk Cefai tressaq il-Qorti.

Il-Maġistrat Frendo Dimech saħqet li hija sfortuna li n-neputi żamm ferm mal-pożizzjoni tiegħu u tenna li ma riedx jixhed kontra zijuh. Qalet li ma kienx ikun għaqli li ġġiegħlu jixhed kontra zijuh għax kien jibqa’ jberren dubju dwar kemm ix-xhieda kien ikollha mill-verità.

Il-Maġistrat sostniet li m’hemmx dubbju li jistgħu jeżistu bosta raġunijiet għaliex in-neputi ma ried jixhed b’ebda mod kontra zijuh iżda dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li mar-rapport tiegħu bdew proċeduri u xogħol kemm għall-Pulizija, il-Qrati u l-Avukat Ġenerali.

Min jagħmel rapport għandu jkollu r-responsabilità li jqis sew li ma’ dak ir-rapport jinbtu konsegwenzi u proċeduri li jfisser xogħol għall-awtoritajiet u spejjez għall-Istat Malti. Hu ta’ għajb li l-Pulizija, wara li tiffoka fuq każ daqshekk serju, tara x-xogħol tagħha jisfuma fix-xejn.

Fuq nuqqas ta’ provi hija lliberat lil Cefai mill-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li nvestiga l-każ. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Cefai.