Peter Fenech, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, appella u ħeġġeġ lill-Kunsillieri kollha eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni tal-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jeżerċitaw dan id-dritt ferm importanti li għandhom u jassiguraw li jivvutaw.
F’kummenti lil Il-Mument, Peter Fenech spjega li dan il-proċess skatta mal-Kunsill Ġenerali fejn il-Kunsill Ġenerali ssejjaħ apposta mill-Eżekuttiv skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista li jistipula li wara kull Elezzjoni Ġenerali, fejn il-Partit Nazzjonalista jkun fl-Oppożizzjoni, allura tkun trid tissejjaħ elezzjoni għall-ħatra tal-Kap tal-Partit.
Id-differenza bejn partit fl-Oppożizzjoni u partit fil-Gvern hi proprju dan il-proċess ta’ elezzjoni ta’ ħatra flok konferma tal-Kap tal-Partit. Dan fisser li l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għalqet il-lista tal-Kunsillieri li jistgħu jipparteċipaw fl-ewwel fażi ta’ dan il-proċess, u fil-każ odjent l-unika fażi peress li kandidati għal din l-elezzjoni hemm persuna waħda biss.
Peter Fenech kompla li minn hemm il-Kummissjoni Elettorali fetħet sejħa għad-dikjarazzjoni ta’ interess mingħand il-membri tal-Partit Nazzjonalista li kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw lilhom infushom għal din il-kariga billi jissottomettu l-interess tagħhom.
Mal-għeluq ta’ dan il-proċess, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet nomina waħda biss. Dik tal-Kap preżenti Bernard Grech. Minn hemm hekk skatta proċesss f’ħoġor il-Kummissjoni Kandidati ta’ verifika tad-dikjarazzjoni ta’ interess li kienet irċeviet il-Kummissjoni Elettorali. Wara li sar dan il-proċess ta’ verifika, dak li bl-Ingliż hu magħruf bħala proċess ta’ due diligence u li fil-verità jfisser li l-persuni konċernati għaliex ressqu l-interess tagħhom għal din il-kariga huma persuni li jimmeritahom li jikkontestaw għal din il-kariga, infetaħ il-proċess ta’ nomini għal din il-kariga.
Peter Fenech fisser li naturalment f’dan l-istadju kien hemm persuna waħda biss li setgħet titfa’ n-nomina tagħha u dan għaliex kien hemm persuna waħda biss li kienet iddikjarat l-interess tagħha għal din l-elezzjoni. Din il-persuna kienet il-Kap preżenti Bernard Grech.
Hekk kif Bernard Grech ippreżenta n-nomina tiegħu, ingħalqet din il-fażi wkoll u l-Kummissjoni Elettorali stabbiliet id-data tal-elezzjoni li tifforma parti mill-Kunsill Ġenerali u li se tkun il-Ġimgħa, 27 u s-Sibt, 28 ta’ Mejju 2022.
Fl-istess ħin għall-konvenjenza għall-Kunsillieri kollha li għandhom id-dritt għall-vot, kif isir is-soltu, intgħażlet ġurnata oħra għal skop ta’ votazzjoni bikrija. Din se tkun għada t-Tnejn 23 ta’ Mejju, 2022. Il-Kummissjoni Elettorali għażlet kemm id-Dar Ċentrali f’Malta u s-Sub-Kwartieri f’Ta’ Sannat bħala l-postijiet tal-votazzjoni u fil-jiem li għaddew intbagħtu l-ittri bid-dettalji tal-proċess kollu lill-Kunsillieri kollha li għandhom id-dritt għall-vot.
Peter Fenech kompla li f’dawn il-jiem il-Kummissjoni Elettorali qed taħdem biex torganizza din l-elezzjoni u issa għandha kollox imħejji peress li l-votazzjoni tibda minn għada t-Tnejn.
Peter Fenech ħa l-opportunità biex ifakkar lill-Kunsillieri li biex jivvutaw iridu jġibu magħhom dokument ta’ identità li hi jew il-Karta tal-Identità jew il-Liċenzja tas-Sewqan.
Hu fakkar li l-ħinijiet tal-votazzjoni huma għada t-Tnejn, 23 ta’ Mejju 2022 bejn id-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali f’Malta, u bejn il-5pm u t-8pm. fis-Sub-Kwartieri f’Ta’ Sannat, Għawdex.
L-istess ħinijiet japplikaw għall-votazzjoni li se ssir nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Mejju, 2022, filwaqt li l-ħinijiet tal-votazzjoni għas-Sibt, 28 ta’ Mejju, 2022, se jkunu bejn it-8am u l-5pm fid-Dar Ċentrali f’Malta u bejn it-8am u t-3pm fis-Sub-Kwartieri f’Ta’ Sannat, Għawdex.
Peter Fenech ħeġġeġ lill-Kunsillieri kollha eliġibbli biex jivvutaw – ftit aktar minn 1,550 – biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom.
Mistoqsi kemm hi importanti din l-elezzjoni, Peter Fenech spjega li din l-elezzjoni hi importanti għaliex il-membri tal-Kunsill Ġenerali, bil-vot tagħhom, se jkunu qed jiddeterminaw it-tmexxija futura ta’ dan il-Partit.
Biex il-kandidat li qiegħed jikkontesta għal din il-kariga jkun elett, irid iġib ħamsin fil-mija tal-voti u wieħed mill-Kunsillieri eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni. Dan jgħodd biss għar-rigward tal-voti mitfugħa.
//= $special ?>