Internazzjonali

Awstralja: Il-Gvern ġdid għandu jwettaq il-bidliet fil-politika dwar il-klima

Il-Prim Ministru ġdid tal-Awstralja, Anthony Albanese, qal li se jaħdem biex pajjiżu  jaqbad direzzjoni ġdida u fejn, ‘il quddiem, għandha tispikka bidla kbira fil-politika tal-pajjiż dwar il-klima.

Albanese, il-Kap Laburista li rebaħ l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt għall-ispejjeż tal-eks Prim Ministru Scott Morrison, qed jgħid, issa, li l-Awstralja kapaċi tittrasforma ruħha f’super-potenza fil-qasam tal-enerġija rinovabbli.

Anthony Albanese proprju għada jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru iżda għalissa għadu mhux ċar jekk il-partit tiegħu għandux ikollu maġġoranza fil-Parlament.

Intant, l-amministrazzjoni ġdida mhix mistennija titlef iż-żmien biex tindirizza lill-bidliet kontinwi fil-klima bħala aspett li qed jinkwieta ħafna lill-votanti. Dan ukoll wara tliet snin karatterizzati bin-nirien kbar rekord qalb il-foresti u sitwazzjonijiet ta’ għargħar fi bnadi partikulari tal-Awstralja

Bħalissa għadu għaddej l-għadd tal-voti, fejn il-partit ta’ Albanese għadu ma kisibx is-76 siġġu meħtiega għal maġġoranza fil-kamra t’isfel tal-Parlament. Intant, ir-riżultati finali tal-elezzjoni fl-Awstralja jistgħu jdumu l-jiem biex joħorġu peress li l-uffiċjali elettorali għadhom qed jibdew jgħoddu l-kważi tliet miljun voti li kienu ntefgħu bil-posta.