Lokali

“B’kuraġġ naffrontaw l-isfidi u nkomplu nissaħħu” – Bernard Grech

Dan mhux żmien faċli għall-partit li tant ngħożżu. L-istamina ta’ organizzazzjoni u tal-persuni individwali f’dik l-organizzazzjoni jiġu ttestjati meta jkun hemm il-maltemp. Hu proprju fid-diffikultà li qed nintalbu nagħżlu t-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin. F’moħħi m’hemmx dubju li l-unika direzzjoni għall-Partit Nazzjonalista hija ’l quddiem. Dan ifisser li jrid ikun hemm ristrutturazzjoni kuraġġuża li qatt ma saret qabel. Dak huwa l-messaġġ mill-elettorat. Mhux biss ir-retorika trid tinbidel iżda anki d-dinamika ta’ kif naħdmu bejnietna u mal-oħrajn trid tgħaddi minn trasformazzjoni. Bidla li trid issir minnufih bil-għaqal u l-ħila.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li kellu mal-ġurnalist Dione Borg.

Bernard Grech saħaq li meta ddeċieda li joħroġ għall-kariga ta’ Kap kien konxju li se tkun triq iebsa. Fis-sena u nofs li ilu  kap tal-partit tgħallem u għożż id-dedikazzjoni, l-imħabba li ħafna persuni għandhom lejn dan il-partit. U huwa dak is-sentiment li f’mument tant diffiċli li kkonvinċieh li jerġa’ jitlob il-fiduċja għat-tmexxija tal-partit.

Bernard Grech saħaq li issa li għaddiet l-elezzjoni, il-prijoritajiet li għandna quddiemna llum huma differenti iżda huma wkoll urġenti ħafna. Tenna li dan hu żmien id-deċiżjonijiet. Kien hemm deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu u se jkun hemm oħrajn li se jitolbu kuraġġ u determinazzjoni. Semma kif minn naħa, ma jistgħux l-problemi  jibqgħu jintefgħu taħt it-tapit għaliex mhux talli ma jissolvewx, iżda jkomplu jikbru u jxekkluna milli nimxu ’l quddiem. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li ma naqtgħux qalbna għax għadna nirrappreżentaw kważi nofs l-elettorat ta’ pajjiżna.

Huwa semma kif il-kwistjoni finanzjarja hija l-fus ta’ kull problema oħra li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista. Din hija l-ikbar sfida li għandu l-Partit Nazzjonalista quddiemu bħalissa. Imma tenna li jinsab fiduċjuż li flimkien din l-isfida nistgħu negħlbuha.

Deċiżjoni oħra urġenti hija dwar ir-riorganizzazzjoni tal-partit, inkluż l-operat li jrid jiġi riformat. Wara li seħħ proċess intern li rriġenera ħafna mill-karigi interni, l-aħħar elezzjoni tatna Grupp Parlamentari ġdid b’għażla demokratika tal-poplu. Issa jmiss l-istrutturi li jixirqu partit modern u effettiv. Strutturi li jridu jiżguraw id-dixxiplina u l-imġiba tal-membri kollha tal-partit. Tali riforma trid ukoll tanalizza l-operat kollu bil-mira li nkomplu nagħmlu l-partit aktar effiċjenti mil-lat operattiv u ekonomiku.

Bernard Grech saħaq li dawn huma l-prijoritajiet tal-ħidma fix-xhur u fis-snin li ġejjin, u għalhekk appella għal mandat b’saħħtu li jsaħħu fit-twettiq ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Tags