Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’artiklu f’Il-Mument jelenka l-prijoritajiet tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fix-xhur u fis-snin li ġejjin, hekk kif għada t-Tnejn tingħata bidu għall-votazzjoni għall-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u li tkompli nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej.
Fl-artiklu jfisser li issa li għaddiet l-elezzjoni, il-prijoritajiet li għandu quddiemu llum il-PN huma differenti iżda huma wkoll urġenti ħafna. Fisser li dan hu żmien id-deċiżjonijiet. Kien hemm deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu u se jkun hemm oħrajn li se jitolbu kuraġġ u determinazzjoni.
Isemmi l-kwistjoni finanzjarja li hija l-fus ta’ kull problema oħra li għandna quddiemna u deċiżjoni oħra urġenti dwar ir-riorganizzazzjoni tal-partit, inkluż l-operat li jrid jiġi riformat.
Huma ftit aktar minn 1,550 li huma eleġibbli jivvutaw. Il-ħinijiet tal-votazzjoni huma għada t-Tnejn, 23 ta’ Mejju bejn il-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali f’Malta, u bejn il-5pm u t-8pm fis-Sub Kwartieri f’Ta’ Sannat, Għawdex.
L-istess ħinijiet japplikaw għall-votazzjoni li se ssir nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Mejju, filwaqt li l-ħinijiet tal-votazzjoni għas-Sibt, 28 ta’ Mejju, se jkunu bejn it-8am u l-5pm fid-Dar Ċentrali f’Malta u bejn it-8am u t-3pm fis-Sub Kwartieri f’Ta’ Sannat, Għawdex.
Peter Fenech, Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, ħeġġeġ lill-Kunsillieri kollha eliġibbli biex jivvutaw biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom.
//= $special ?>