Lokali

Ħafna familji direttament fil-faqar jew fil-faxxa tal-faqar

Fil-jiem li għaddew Caritas Malta ħarġet riżultati ta’ riċerka dwar kif qed jogħlew il-prezzijet tal-ikel u l-oġġetti mediċinali u minn din ir-riċerka joħroġ ċar li dawn il-prezzijiet qed jogħlew sal-punt li aktar familji qed jispiċċaw fil-faxxa tal-faqar jew inkella fil-faxxa tar-riskju tal-faqar għas-sempliċi raġuni li d-dħul tagħhom hu baxx u ma jagħmilx tajjeb biex ipaċi l-ħruġ li jkollhom jagħmlu.

Ifisser ukoll li dawn l-istess persuni mhumiex f’sitwazzjoni fejn jistgħu jgħixu ħajja deċenti kif mistenni u mixtieq li tagħmel kull familja. Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju l-Caritas Malta qed tagħmel numru ta’ suġġerimenti prattiċi, importanti u mill-aktar validi biex hekk l-Istat u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jagħtu impetus ġdid lil din il-ġlieda kontra l-faqar fil-gżejjer Maltin.

Dwar din ir-riċerka u r-riżultati li joħorġu minnha, Il-Mument tkellem fit-tul ma’ Andre Bonello, ir-Riċerkatur dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali fi ħdan il-Caritas Malta, li beda biex fisser li f’kull pajjiż trid tiddetermina bejn wieħed u ieħor liema dawk l-affarijiet li n-nies għandhom bżonn biex jgħixu b’mod deċenti. Tajjeb għalhekk li wieħed jistabbilixxi x’inhuma dawk l-affarijiet li għandhom bżonn il-Maltin biex jgħixu ħajja deċenti.

Allura matul is-snin preċedenti, ċioè mill-2012 ’il quddiem, il-Caritas Malta ħadet l-inizjattiva li toħloq metodoloġija biex hekk ikun iddeterminat il-basket ta’ affarijiet essenzjali ħalli wieħed ikollu ħajja deċenti f’pajjiżna.

Il-Caritas Malta tagħmel dan b’mod li hu newtrali u mingħajr ebda aġendi ta’ politika u għandha l-obbligu li tagħmel dan l-eżerċizzju lejn il-pajjiż fl-intier tiegħu.

F’dan il-basket hemm oġġetti tal-ikel, ħwejjeġ, oġġetti ta’ kura personalizzata, affarijiet ta’ saħħa, oġġetti neċessarji għad-dar bħal fridge, televiżjoni u washing machine u l-manutenzjoni tagħhom u tad-dar, oġġetti li huma marbuta mal-edukazzjoni u l-kultura u oġġetti oħrajn relatati mat-trasport u l-housing.

Dawn l-affarijiet kollha jiffurmaw il-basket bl-oġġetti essenzjali ħalli dak li jkun ikun jista’ jgħix ħajja
deċenti.

Il-Caritas Malta fil-kunsiderazzjoni tagħha dwar l-oġġetti li hemm f’dan il-basket, tieħu nota tal-affarijiet li huma sussidjati mill-Istat, bħall-housing, l-edukazzjoni, it-trasport u oqsma oħra. Dan il-basket fih innifsu japplika għal tliet tipi ta’ familja biex hekk ikun identifikat il-prezz ta’ dawn l-oġġetti għal dawn il-familji bi dħul baxx. Dawn it-tliet tipi ta’ familji huma:

• żewġ familji u żewġt itfal;
• adult u żewġt itfal; u
•. koppja anzjana ta’ aktar minn 65 sena.

Andre Bonello, filwaqt li osserva li tali studju jsir kull erba’ snin, fisser li fl-aħħar snin il-Caritas Malta għamlet ukoll eżerċizzji simili fuq skala iżgħar. Dawn l-eżerċizzji saru minħabba li wara l-Covid-19 il-Caritas Malta riedet tistabbilixxi kif kien affettwat kemm-il prezz tal-ikel kif ukoll il-prezzijiet tal-mediċini.

Ma kenux stabbiliti l-prezzijiet ta’ oġġetti l-oħra għaliex il-prijorità kienet iffukata fuq dawn iż-żewġ setturi essenzjali. Grazzi għal dan l-eżerċizzju kien stabbilit li kien hemm żieda sostanzjali kemm fil-prezz tal-oġġetti tal-ikel u anki fil-prezz tal-prodotti mediċinali.

Minn dawn ir-riżultati jirriżulta li kien hemm żieda ta’ €100 fuq l-ispiża ta’ familja magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal. Dan għar-rigward tal-ikel biss.

Min-naħa l-oħra għalkemm anki l-prodotti ta’ mediċina raw żieda fil-prezz tagħhom, din iż-żieda splodiet minħabba ż-żieda addizzjonali li ġabet magħha l-Covid-19 bħal maskri, senitizers u oġġetti essenzjali oħra ta’ prevenzjoni.

Il-preokkupazzjoni ta’ Caritas Malta hi li n-nies bi dħul baxx kienu diġà qegħdin fil-periferija tal-faxxa tal-faqar u issa wara l-Covid-19 fejn il-ħajja għoliet, tajjeb li wieħed janalizza x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dawn in-nies.

Tajjeb li wieħed jirrikonoxxi li kemm l-Istat kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi ħadmu id f’id mal-poplu Malti, partikularment ma’ dawk bi dħul baxx, biex hekk jaraw kemm jista’ jkun li jissalvagwardjaw milli dawn in-nies ikomplu jitgħakksu. Madankollu bħala tim ta’ riċerkaturi fi ħdan il-Caritas Malta tressqu diversi rakkomandazzjonijiet għal soluzzjoni, fosthom li jinħolqu postijiet speċifiċi – hubs – fejn jinġabar l-ikel tajjeb minn supermarkets u minn postijiet oħra fejn jinbiegħ l-ikel li iżda jkun se jintrema minħabba li jkun wasal biex jiskadi u minflok jitqassam minn foodbanks.

Suġġeriment ieħor hu li ssir sistema fejn permezz ta’ mobile application, familji bi dħul baxx ikunu megħjuna bl-ikel adattat qabel id-data tal-iskadenza ta’ dawn il-prodotti biex hekk l-istess prodotti jkun evitat milli jintrema.

Suġġeriment ieħor importanti hu li jiżdiedu l-lokalitajiet fejn il-bdiewa jkunu jistgħu jarmaw u jbiegħu l-prodotti tagħhom u dan ma jibqax isir biss mis-swieq ta’ Ta’ Qali.

Għandu jkun organizzat ukoll trasport pubbliku minn diversi lokalitajiet għal dawn is-swieq li hu imperattiv li jkunu mxerrda mal-pajjiż. Tkun provduta wkoll sistema ta’ smart-cards fejn il-familji bi dħul baxx ikunu jistgħu jużawhom ħalli
jixtru bl-irħis ħaxix, frott u prodotti oħrajn sani. Idea innovattiva oħra hi dik biex titnaqqas it-taxxa jew il-VAT fuq l-ikel li hu san. Tajjeb li tissokta l-kampanja kontra l-obeżità.

Jingħataw aktar inċentivi biex ħwienet jew restoranti li jixtiequ jagħmlu l-menu tagħhom aktar san, dawn ikollhom l-opportunitajiet biex jagħmlu dan anki f’termini ta’ għajnuna u pariri.

Għandhom ikunu organizzati skemi f’zoni urbani agrikoli fejn il-familji bi dħul baxx ikunu inkoraġġuti jkabbru l-ħaxix u l-frott għall-użu personalizzat tagħhom stess jew inkella biex ibigħu permezz ta’ stalls.

Tajjeb li tkun implimentata skema ta’ flus diġitali għal dawk bi dħul baxx, fosthom vouchers diġitali u
t-trasferiment dirett fil-kont tal-bank. Hemm ħafna rakkomandazzjonijiet oħra, imma biex studji bħal dawn jitkomplew jittieħdu bis-serjetà għandu jkun hemm tim nazzjonali ta’ riċerkaturi li jkun iffukat fuq ir-riċerka ħalli b’hekk ikun determinat fid-dettall x’qed jikkawża l-faqar f’pajjiżna.

Andre Bonello temm li dawn l-istudji li tagħmel il-Caritas Malta joffru l-evidenza neċessarja biex jgħinu u jassistu lill-awtoritajiet u lill-politiċi biex kemm fil-preżent u anki fil-futur qrib jieħdu d- deċiżjonijiet ġusti ħalli hekk f’pajjiżna nkomplu niġġieldu l-faqar li għandna madwarna.

Dawn l-istudji jistgħu jintużaw ukoll bħala riżorsa għal min hu involut viċin il-vulnerabbli u dawk bi dħul baxx.