Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-ewwel diskors ta’ Mexxej barrani fil-Parlament ta’ Kiev mill-bidu tal-konflitt

Il-President tal-Polonja, Andrzej  Duda, enfasizza li l-Ukrajna biss għandha d-dritt li tiddeċiedi l-futur tagħha waqt li hu kien qed jindirizza lill-Parlament Ukren fi Kiev. Duda , intant , sar l-ewwel mexxej barrani li tkellem personalment fil-Parlament tal-Ukrajna  mindu r-Russja invadiet lil dan il-pajjiż fl-24 ta’ Frar.

Andrzej Duda esprima inkwiet għall-fatt li wħud qegħdin jissuġġerixxu li l-Ukrajna għandha ċċedi lill-President Putin, waqt li enfasizza lid-deputati Ukreni li ‘ilħna bħal dawn għandhom ikunu injorati’.

Dan meta l-Polonja u l-pajjiżi kollha tal-Ewropa jemmnu li kull sitwazzjoni fejn l-Ukrajna tispiċċa ċċedi imqar pulzier ta’ territorju lir-Russi għandha titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-Punent kollu.

Il-President Pollakk, fl-istess ħin, qal li pajjiżu qed jappoġġja lill-Ukrajna fit-tentattivi tagħha għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea – u meta l-Istati membri tal-UE għadhom ma laħqux konsensus dwar dan.