Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky mhu se jaċċetta l-ebda ftehim li jiggarantixxi aktar artijiet għar-Russja

Il-Gvern tal-Ukrajna mmexxi minn Volodymyr Zelensky għamilha ċara  li pajjiżu bl-ebda mod mhu se jaqbel dwar ftehim għall-waqfien mill-ġlied li jesiġi biex l-Ukreni jċedu parti minn pajjiżhom lir-Russja.

Il-President Zelensky ilu żmien jgħid li kull ftehim mar-Russja jrid ikun mija-fil-mija aċċettabbli għall-partijiet kollha u ladarba l-Ukrajna rnexxielha tirreżisti l-avvanzi tar-Russi fuq diversi fronti tal-gwerra waqt l-invażjoni mill-qawwiet tal-Kremlin li dalwaqt tagħlaq 90 jum.

Intant, Mykhallo Podolyak, bħala konsulent għall-President Zelensky, qal li jekk l-Ukrajna tagħti l-konċessjonijiet lir-Russja, il-Kremlin ta’ Moska għandu jibda offensiva jerġa’ akbar – għat-tul taż-żmien – bil-ħsieb li jaħtaf aktar territorju tal-Ukreni.

Dan waqt li l-Gvern Ukren qed jibqa’ konxju dwar l-ambizzjonijiet tal-President Russu Vladimir Putin li jrid jirritorna għall-era tal-eks Unjoni Sovjetika filwaqt li jibni imperu ġdid ikkontrollat mir-Russja.