Lokali Qorti

Jerġa’ jiġi arrestat wara li ċempel lill-eks sieħba tiegħu matul il-lejl

Raġel ta’ 32 sena, li kien ordnat mill-Qorti biex iħalli lill-eks sieħba tiegħu bi kwieta u ma jikkomunikax magħha reġa’ spiċċa arrestat wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ protezzjoni. Huwa wieħeb ħati li ma qagħadx ma’ din l-ordni meta kien iċemplilha matul il-lejl. Huwa ntbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Ispettur Eman Hayman qal fil-Qorti li fil-jiem li għaddew l-akkużat kien qed iċempel lill-eks sieħba tiegħu anke f’ħinijiet mhux addattati, tant li waħda mit-telefonati kienet saret fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Qorti oħra kienet iddeċidiet li l-akkużat ma jingħatax aċċess għat-tfal li l-koppja għandhom, iżda huwa baqa’ jinsisti li jarahom.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-Magistrat Claire Stafrace Zammit tordna li għandu jsir rapport qabel tingħata s-sentenza finali, anke għax l-avukat difensur talbet li jsiru magħrufa ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-akkużat biex jaġixxi b’dan il-mod.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li l-Qorti ma tistax tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest li ssottomettiet l-avukat difensur għax tħoss li l-imputat ma kienx ser joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti. Sadanittant hemm il-biża wkoll li huwa jkompli b’dan l-atteġġġament b’dannu lejn il-vittma.