Lokali

Jingħataw 30 ċitazzjoni matul il-Ħadd filgħodu

Il-Ħadd filgħodu l-Pulizija ħarġu madwar 30 ċitazzjoni rigward sewqan eċċessiv, waqt sorveljanza mill-Pulizija fi Triq Sant’Andrija, fis-Swieqi, żona b’limitu ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Fost it-taħrikiet, dawn ingħataw lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’130 kilometru fis-siegħa, lil sewwieq ta’ Audi A4 li nqabad isuq b’120 kilometru fis-siegħa u taħrika oħra lil sewwieq ta’ Toyota Corollali nqabad isuq b’121 kilometru fis-siegħa. Inħarġu wkoll taħrikiet lil sewwieqa oħra li nqabdu jsuqu bejn 91 kilometru fis-siegħa u 107 kilometri fis-siegħa, fl-istess żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Ma kienux dawn biss iċ-ċitazzjonijiet li ngħataw matul il-Ħadd filgħodu, hekk kif fl-istess triq, ingħataw ukoll kontravenzjonijiet rigward irregolaritajiet oħra, fosthom sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi li ma kellhomx numri tar-reġistrazzjoni mwaħħlin, vetturi b’tinted glass, u sewqan perikoluż.

llum kompliet is-sorveljanza fit-toroq dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku f’operazzjoni konġunta li saret bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, is-sezzjoni tat-Traffiku u tal-Pulizija għall-Komunitàta’ Pembroke u Swieqi.

Dawn l-ispezzjonijiet kontinwi jsiru sabiex is-sewwieqa jkunu konxji li jekk iseħħ inċident, mhux huma biss jistgħu jweġġgħu, iżda jistgħu jweġġgħu persuni oħra li jkunu għaddejjin mill-istess toroq, u saħansitrata li l-inċidenti jistgħu jwasslu anke għall-affarijiet aktar serji.

Jiem bħal Ħdud, meta ħafna mit-toroq jkunu iktar battala minn ġranet oħra, l-abbuż fis-sewqan ikun akbar. Minkejja d-diversi appelli li jagħmel il-Korp tal-Pulizija, illum, l-uffiċjali reġgħu kienu impenjati f’aktar kontrolli f’toroq arterjali sabiex jaqta’ dan l-abbuż.

Il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija spjega li “mill-ewwel tas-sena sal-bieraħ, is-Sezzjoni tat-Traffiku waħedha ħarget mal-2,400 ċitazzjoni fuq sewqan eċċessiv. Għalhekk l-appell tagħna mill-ġdid huwa biex wieħed josserva l-limitu tal-veloċità u jobdi r-regolamenti kollha tat-traffiku. Aħjar minuta tard milli qatt”.

Tags