Lokali Qorti

Kumpens ta’ €34,000 f’inċident tat-traffiku fejn sewwieq ta’ debba spiċċa b’diżabilità

Inċident fis-17 ta’ Mejju tal-2014 f’Ħaż-Żebbuġ, li wassal biex xufier ta’ karozza jolqot serkin waqt ‘Trial Run’ kien ordnat mill-Imħallef Toni Abela jagħti lis-sewwieq taż-żiemel €34,531 wara li nżamm responsabbli ta’ 70% tal-inċident. It-30% l-oħra tat-tort ingħatat lis-sewwieq tad-debba, li spiċċa b’diżabilità wara li l-Qorti kkonkludiet li huwa poġġa lilu u lid-debba f’periklu meta saq fi triq traffikuża kuntrarjament għal dak li jgħid il-Kodiċi tat-Traffiku.

Mir-rapport tal-Pulizija rriżulta li l-inċident seħħ fis-6.15 am. Is-sewwieq tad-debba, Carmelo Taliana, fetaħ il-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra John u Philip Tonna. Huwa żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ, ftit ‘il fuq mir-roundabout li tagħti għas-Siġġiewi.

Fatt kurjuż f’dan l-inċident kien li meta l-Pulizija marret fuq il-post sabet li l-karozza u s-serkin kienu diġa tneħħew minn fuq il-post u l-Imħallef Abela rrimarka li l-fatt li ma sarx skizz tal-inċident kienet problema. Fir-rapport tal-Pulizija Taliana qal li x’ħin kien għaddej u ma ra lil ħadd qasam u ntlaqat minn karozza waqt li John Tonna qal li kien qed isuq il-karozza u bix-xemx ma rahx.

Ix-xhieda ta’ Tonna li ta lill-Pulizija kienet korraborata minn ċertu Keith Grima, direttur tal-kumpanija propjetarja tal-karozza. Żvolta oħra fil-każ kienet li wara sena u nofs mill-inċident, ir-rapport ġie emendat hekk kif raġel li kien għaddej b’vann qal li kien Philip Tonna, iben John Tonna, li kien qed isuq il-karozza.

Skont Tonna missieru ġie mniżżel fir-rapport fuq insistenza ta’ Taliana madankollu dan tal-aħħar ċaħad u qal li kienu Tonna li offrewlu l-flus bex jinsa’ kollox. Fil-ħin li Taliana kien ittieħed l-isptar Mater Dei fejn irriżulta li sofra minn ksur fir-rukell ta’ dahru, il-Pulizja ħadet passi kontra John u Philip Tonna imma dawn ma nstabux ħatja.

L-Imħallef Toni Abela rrimarka b’mod negattiva li ħadd ma ppreżenta ritratti tat-triq u tal-karozza u serkin waqt li l-formola tal-‘claim’ kellha deskrizzjoni vaga dwar l-inċident. L-Imħallef għamilha ċara li jemmen il-verżjoni tax-xhud li nzerta għaddej u ma jemminx il-verżjoni ta’ Philip Tonna.

Dan għax meta kien involut fl-inċident telaq minn fuq il-post u missieru spiċċa jidher floku bħala s-sewwieq waqt li żeffen fin-nofs direttur tal-kumpanija tal-karozza bħala passiġġier meta dan ma kienx minnu. L-Imħallef saħaq li l-ġrieħi li ġarrbet id-debba jindikaw dak li xehed ix-xhud u kompatibbli ma’ vettura li kienet qed tinstaq b’veloċità.

Fl-istess waqt sostna li l-fatt li Taliana kien qed isuq id-debba fi triq traffikuża kien ifisser li huwa wkoll kellu parti mit-tort. Meta ġie biex jikkalibra s-somma tal-kumpens l-Imħallef Abela qies, fost oħrajn, li Taliana kellu 45 sena u li sofra diżabilità ta’ 16%. Għalhekk ordna lil Philip Tonna jikkumpensah is-somma ta’ €34,531.