Futbol Sport

Man City huma ċ-champions tal-Premier League għall-istaġun 2021/22

(Ritratt: EPA)

Man City rebħu t-tmien kampjonat fl-istorja tagħhom meta fl-Etihad Stadium huma ġew minn żewġ gowls minn taħt u għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 3-2. Aston Villa marru fil-vantaġġ minn Matty Cash fis-37 minuta qabel Philippe Coutinho rdoppja fid-69 minuta. Madanakollu rimonta għal Man City f’ħames minuti u 36 sekonda assigurat it-titlu għal Man City. Ikay Gundogan għamel l-iskor 2-1 fis-76 minuta qabel Rodri kiseb il-gowl tad-draw żewġ minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa. Biex fil-81 minuta, Man City skorjaw il-gowl li tagħhom ir-rebħ tat-titlu meta minn cross ta’ Kevin De Bruyne reġa’ kien Ikay Gundogan li mill-viċin xeħet fix-xibka u tefa’ lil partitarji ta’ Man City f’delirju ta’ ferħ. Huma rebħu l-kampjonat bi 93 punt, punt aktar minn Liverpool li temmew l-istaġun bi 92 punt.

Min-naħa l-oħra Liverpool kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Wolves iżda naqqsu milli jassiguraw it-tieni Premier League tagħhom, punt taħt iċ-champions City. Wolves fetħu l-iskor wara tliet minuti meta Pedro Neto sab ruħu quddiem Alisson u xeħet fix-xibka għal 1-0. Liverpool irraġixxew fl-24 minuta permezz ta’ Sadio Mane. Minkejja l-pressjoni kontinwa ta’ Liverpool, kellu jkun is-sostitut Mohammed Salah li skorja t-tieni gowl fl-84 minuta, qabel Andy Robertson żied it-tielet gowl fid-89 minuta.

Tottenham Hotspurs kisbu post fil-UEFA Champions League meta fl-aħħar ġurnata għelbu lil Norwich bl-iskor ta’ 5-0, biex askapitu ta’ Arsenal, għamluha mal-ewwel erbgħa. Vantaġġ ta’ żweġ gowls fl-ewwel taqsima b’gowls minn Dejan Kulusevski fis-16-il minuta u Harry Kane fit-32 minuta wittew it-triq għal rebħa komda. Fit-tieni taqsima reġa’ kien Kulusevski li skorja t-tielet gowl qabel Heung-Min Son skorja darbtejn, fis-70 u fil-75 minuta biex skorja a it-22 u t-23 gowl tiegħu tal-istaġun, u rebaħ iż-żarbun tad-deheb flimkien ma’ Salah.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika Burnley sfaw relegati fl-aħħar ġurnata flimkien ma’ Watford u Norwich (li kienu diġa relegati) meta f’Turf Moor kienu megħluba minn Newcastle. Newcastle fetħu l-iskor minn penalty ta’ Callum Wilson fl-20 minuta qabel l-istess player rdoppjaw fis-60 minuta. Maxwel Cornet naqqas id-distakk għal Burnley fid-69 minuta iżda t-tim ma rnexxielux idawwar ir-rżultat u sfaw relegati għaċ-Championship.

B’Burnley relegati Leeds rnexxielhom iżommu posthom fil-Premier League b’rebħa ta’ 2-1 fuq Brentford. Raphiniha tefa’ lil Leeds fil-vantaġġ minn penalty fis-56 minuta qabel Sergi Canos kiseb id-draw għal Brentford fit-78 minuta. Leeds skorjaw il-gowl li bih żammew posthom fil-Premier League fl-94 minuta b’gowl ta’ Jack Harrison.

Intant Arsenal naqqsu milli jagħmluha mal-ewwel erbgħa u kellhom jikkuntentaw bil-ħames post u r-ritorn tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej, fl-Europa League. Fl-Emirates Stadium huma kisbu rebħa ta’ 5-1 fuq Everton. Gabirel Martinelli fetħa l-iskor fis-27 minuta mill-ħdax-il metru, qabel erba’ minuti wara huma rdoppjaw b’daqqa ta’ ras ta’ Eddie Nketiah. Donny Van de Beek naqqas id-distakk għal Everton fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima. Cedric Soares skorja it-tielet gowl fis-56 minuta qabel Gabriel għamilhom erbgħa tliet minuti wara. Bil-partita prattikament bla storja, Martin Odegaard żied il-ħames gowl għal Arsenal għal skor finali ta’ 5-1.

Ma’ Arsenal ingħaqdu wkoll Manchester United b’post fl-Europa League minkejja t-telfa ta’ 1-0 kontra Crystal Palace. Dan wara li West Ham naqqsu milli jirbħu lil Brighton, bil-Hammers jitilfu 3-1 u jibqgħu barra mill-postijiet Ewropej, bi kwalifikazzjoni għal UEFA Conference League.

PREMIER LEAGUE

Illum: Arsenal v Everton 5-1, Brentford v Leeds 1-2, Brighton v West Ham 3-1, Burnley v Newcastle 1-2, Chelsea v Watford 2-1, C’Palace v Man Utd 1-0, Leicester v Southampton 4-1, Liverpool v Wolves 3-1, Man City v Aston Villa 3-2, Norwich v Tottenham 0-5