Ekonomija Lokali

Sitwazzjoni preokkupanti għan-negozji żgħar u medji

Intervistata waqt il-programm Net Live, il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs, Abigail Agius Mamo, spjegat kif l-għoli tal-ħajja qiegħed jaffettwa wkoll lin-negozji.. sitwazzjoni li hija preokkupanti għall-konsumatur daqs kemm hi għal min ibiegħ, sitwazzjoni li qed toħloq inċertezza.

Matul din l-intervista, Agius Mamo esprimiet diżappunt għal mod ta’ kif il-banek qed jittrattaw lin-negozji… b’mod partikolari fi żmien fejn diġà ħadu daqqa wara l-oħra u sabu diffkultajiet enormi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-Gwerra fl-Ukrajna.

Abigail Agius Mamo spjegat kif il-banek għandhom il-kriterji tagħhhom dwar jekk jiftħux kont bankarju għal kumpanija. Kull bank għandu kriterji differenti u mhux kull kumpanija tkun aċċettata biex tiftaħ kont. Dan qed iwassal għal sitwazzjonijiet fejn klijent ma jifdallux għażla jew li agħar minn hekk, jispiċċa mingħajr kont bankarju u ma jkunx jista’ jopera kif in-negozju kif xtaq.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji spjegat li din hija waħda mill-ikbar problemi li qed isibu n-nies fin-negozju. Din qed twassal ukoll biex pajjiżna jiġi klassifikat ħażin fuq il-listi tal-pajjiżi l-iktar faċli biex tiftaħ negozju u għalhekk qed jintilef ħafna investiment. Agius Mamo stqarret li wieħed jispera li mill-aktar fis possibbli jkun hemm interventi mill-policy makers biex kif wegħdu fil-manifest elettorali, kulħadd ikollu dritt għall-kont bankarju.