Internazzjonali

Spanja: Temperaturi tas-sħana rekord għal Mejju

Diversi partijiet ta’ Spanja għaddejjin mill-aktar perjodu qalil ta’ sħana fl-istorja moderna — bit-temperaturi qed jimmarkaw ‘il fuq minn 40 gradi Celsius f’numru ta’ bnadi.

Fl-aħħar sigħat l-aġenzija meteoroloġika ta’ Spanja ħarġet it-twissijiet speċjali dwar is-sħana għal għaxar reġjuni, fost il-pronostiku li l-pajjiż għandu jistenna l-akbar ‘heatwave’ għal għexieren ta’ snin.

Dan waqt li l-belt ta’ Jaen, fin-nofsinar ta’ Spanja, diġà kkonfermat l-akbar livell ta’ sħana kemm ilhom li bdew jinżammu r-rekords u fejn it-temperaturi, għal żmien, kienu ogħla mill-40 gradi.

L-esperti meteoroloġiċi jaqblu li l-bidliet fil-klima qegħdin jixprunaw aktar mewġ tas-sħana intensivi u li qed isiru dejjem aktar frekwenti f’pajjiżi bħal Spanja ul-Portugall kif ukoll għall-Istati Ewropej l-oħra mal-Mediterran,

Intant, is-sħana inkredibbli fi Spanja għal dawn iż-żmenijiet qed tirriżulta mill-kurrenti tal-arja sħuna mill-Afrika ta’ Fuq – bit-temperaturi qed jitilgħu sa 15-il grad Celsius ‘il fuq min-normal għal dan iż-żmien tas-sena.