Internazzjonali

30 sena mill-assassinju tal-Maġistrat Giovanni Falcone

30 sena ilu, l-Italja nħasdet bl-assassinju kiesaħ u biered tal-Maġistrat Giovanni Falcone … assassinju ppjanat u mwettaq mill-Mafja biex tipprova twaqqaf il-ħidma intensiva li kienet qed issir kontra din l-organizzazzjoni kriminali.

Giovanni Falcone kien parti minn grupp – magħmul minn erba’ Maġistrati – li twaqqaf fl-1980 biex jipprova jbiddel il-mentalità, partikolarment fost iż-żgħażagħ, kontra l-kultura mafjuża.

Flimkien mal-kollega tiegħu Paolo Borsellino – li wkoll kien assassinat mill-Mafja ftit ġimgħat biss warajh – Falcone kien jara li jibqa’ viċin in-nies, fosthom b’dibattiti fl-iskejjel.

Matul it-tħejjija għall-proċess li baqa’ magħruf bħala l-Maxiprocesso, inqatel il-Kummissarju Beppe Montana. Għaldaqstant, minħabba li Falcone u Borsellino kienu f’periklu kbir, huma ttieħdu fil-gżira ta’ Asinara biex ikunu jistgħu jikkonkludu l-aħħar atti qabel il-proċess.

Fit-23 ta’ Mejju tal-1992 – ħamest ijiem biss wara li għalaq 53 sena – il-Maġistrat Falcone kien fi triqtu minn Ruma lejn Palermo, kif kien jagħmel f’kull tmiem il-ġimgħa, meta 100 kilogramma ta’ TNT li tqegħdu f’mina mħaffra taħt l-art kienu sploduti b’remote control mill-mafjuż Giovanni Brusca, fuq ordni ta’ Toto Riina u l-mafja ta’ Cosa Nostra, waqt li kienu għaddejjin il-karozzi li kienu fihom Falcone u martu, kif ukoll il-membri tal-iskorta tiegħu.

Mal-wasla fl-Ajruport ta’ Punta Raisi, ftit wara l-5.30pm, hu sab jistennewh tliet karozzi bullet-proof. Kif niżel mill-ajruplan, hu mar biex isuq waħda minn dawn il-karozzi, akkumpanjat minn martu Francesca Morvillo. Tiegħu kienet qed tinstaq bejn iż-żewġ karozzi tal-iskorta.

Huma saqu mingħajr daqq ta’ sireni, iżda xi ħadd kien informa lill-qattiela li Falcone kien telaq mill-Ajruport. Mal-isplużjoni, Falcone ma mietx fil-post, iżda madwar siegħa wara, fl-Isptar, minħabba emoraġiji interni.

Hu kien ilu jservi bħala Maġistrat għal 28 sena – mill-1964 – qabel ma kien trasferit lejn Palermo fl-1978 biex jaħdem fl-Ufficio Istruzione. Taħt it-tmexxija ta’ Rocco Chinnici, kien ingħaqad ukoll Paolo Borsellino, li ħadem ma’ Falcone fuq madwar 500 proċess li kienu għadhom lura. Dan kollu wassal biex, sentejn biss wara, kienu arrestati l-ewwel sitt mafjużi.

Dan l-anniversarju tat-30 sena mill-qtil ta’ Falcone tfakkar b’ċerimonja li saret f’Palermo, indirizzata mill-President Sergio Mattarella u fil-preżenza fost oħrajn ta’ oħt Giovanni, Maria, u qraba oħrajn tal-vittmi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Mario Draghi qal li din il-ġrajja kerha wasslet biex l-Italja saret pajjiż aktar liberu u ġust. Draghi insista li l-ħidma ta’ Falcone u sħabu fl-Anti-Mafia ta’ Palermo għandha tħeġġeġ lil kull Taljan biex jiġġieled il-kriminalità organizzata filwaqt li jfittex il-verità.

Wara l-assassinju ta’ Falcone, Paolo Borsellino kien iħoss li anke hu kien se jgħaddi mill-istess martirju. Madankollu, hu għażel li jibqa’ jservi f’Palermo , sakemm xahrejn wara – fid-19 ta’ Lulju – hu nqatel permezz ta’ bomba mal-karozza viċin id-dar ta’ ommu.