Joseph Bonnici ta’ 41 sena ġie kkundannat 36 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri għall-qtil volontarju ta’ ommu Maria Lourdes Bonnici u oħtu Angele Bonnici f’darhom f’Ħal Għaxaq tliet snin ilu. Bonnici ammetta għad-disa’ kapi t’akkuża li saru fil-konfront tiegħu mill-Avukat Ġenerali. Il-qtil doppju kien seħħ fis-26 ta’ Marzu tal-2019.
L-Avukat Ġenerali talab biex Bonnci jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs bid-difiża toġġezzjona għal dan u għaldaqstant issa huwa se jkun qed jiskonta 21 sena ħabs jekk huwa jġib ruħu sew fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin peress li jitnaqqslu żewġ terzi mill-piena li jkun irid jiskonta. Barra minn hemm iridu jitnaqqsu wkoll it-tliet snin li huwa għamel taħt arrest preventiv fuq dan il-każ.
Bonnici kien ammetta mal-Pulizija li kien tefa’ d-dawl, u qal lil oħtu biex tinżel isfel u wara ta żewġ tiri minn wara, u din bdiet tħarħar, u wara taha daqqa ta’ mazza. Lil ommu taha daqqa ta’ mazza mill-ewwel. Huwa kien rrakkonta kif l-ewwel għabba lil oħtu u mbagħad lil ommu għax oħtu kellha l-piż. Huwa kien ħeba l-katavri tagħhom f’għalqa. Il-pulizija fittxew u kien sabu l-mazza parzjalment maħruqa fil-faċilità tal-Wasteserv.
Fil-Qorti huwa ammetta għal qtil volontarju doppju, li uża arma regolari waqt reat, li spara arma tan-nar f’post abitat, li qered it-traċċi ta’ reat, li ħeba l-katavri ta’ persuni maqtula, li żamm arma tan-nar bla liċenzja, li ħadem apparat biex inaqqas il-ħoss ta’ sparatura, u li mmanifattura arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Bonnici kien ippjana d-delitt sal-inqas dettall b’mod li ma jinqabadx. “Il-qtil doppju kien imfassal metikolożament mill-akkużat Joseph Bonnici f’erba’ fażijiet differenti” li jinkludu l-preparazzjoni, l-omiċidju, il-ħabi tal-katavri u t-traċċi, kif ukoll il-fabbrikazzjoni tal-għajbien taż-żewġ nisa.
L-att tal-akkuża kienet tgħid li l-vittmi kienu jafdaw lill-akkużat u qatt ma basru li kien qed jippjana li joqtolhom. Il-preparamenti minn naħa tiegħu kienu ħafna, fosthom bena l-arma tan-nar huwa stess biex ma jużax dawk li kellu liċenzjati fuqu, u żidilha wkoll parti biex tnaqqas il-ħoss. Ħaffer ħofra f’għalqa biex jaħbi l-katavri, ħejja pjan għall-qtil innifsu, kif ukoll kif se jeħles mill-oġġetti u t-traċċi.
Fl-att tal-akkuża ngħad ukoll li Bonnici stenna l-jum propizju biex iwettaq id-delitt. Dan meta t-tfajla tiegħu ma tkunx id-dar u meta tkun ix-xita, biex ikun jista’ jaħbi t-traċċi. Dakinhar it-tfajla kienet avżatu li se ddum barra, u l-għada kienet imsemmija x-xita, għalhekk Bonnici beda jippjana kollox.
Ħareġ kif Bonnici tajjar is-salvavita, imbagħad mar taparsi jitlob l-għajnuna t’oħtu Angele, li marret miegħu fil-garaxx, fejn kien diġà kien ħejja boroż u karti apposta biex inaddaf malajr. Waqt li kien warajha fid-dlam, huwa sparalha bl-arma li kien bena, u eżatt wara taha daqqa bil-mazza li kellu ppreparata, “tant li sfrondalha wiċċha b’mod li ma baqgħetx tintgħaraf.”“L-aħħar ħaġa li għamlet qabel qatilha kienet illi marret biex tgħinu.”
Dwar kif inqatlet l-omm l-Avukat Ġenerali spjega fl-att tal-akkuża li wara li qatel lil oħtu u għattiha malajr, mar għal ommu u qalilha li għandhom bżonn ukoll l-għajnuna tagħha. Kif hija waslet fl-istess post ta’ bintha, sparalha f’rasha u taha wkoll daqqa ta’ mazza biex ikun ċert li mietet.
Meta Bonnici kien ċert mija fil-mija li ż-żewġ nisa kienu mejta, għattielhom wiċċhom b’boroż tal-plastik u għalaqhom biz-‘zip ties’ madwar għonqhom biex ma jqattarx demm. Wara daħħal il-karozza fil-garaxx u uża pjanċa biex jirrombla l-katavri għal ġol-karozza.
Huwa saq bihom lejn l-għalqa li fiha kien diġa ħaffer il-ħofra. Meta wasal rama l-karettun li kellu mgħobbi fil-karozza, għabba lill-vittmi waħda waħda u waddabhom fil-ħofra, fejn għattihom bil-ġir biex inaqqas ir-riħa u jiddikomponu iktar malajr.
Il-Qorti semgħet ukoll minn naħa tal-prosekuzzjoni kif Bonnici ħaraq oġġetti użati fil-qtil fir-residenza tiegħu stess, u meta nduna li l-mazza ma kinitx se tinħaraq sew, mar jarmiha f’ċentru għall-iskart goff, fejn instabet ġo skip ma’ ammont kbir ta’ ħadid. Huwa ħeba wkoll l-arma tan-nar li bena fl-għalqa viċin fejn kien difen lil ommu u oħtu.
Hawn il-pjan kompla għaddej u wara mar għand il-LIDL u xtara powerwash li biha ħasel il-garaxx, u tefa’ wkoll xi pitrolju mal-art biex ineħħi r-riħa ta’ demm. Finalment mar fl-għassa tal-Pulizija biex jirrapporta lil ommu u oħtu neqsin, u kien fit-30 ta’ Marzu, wara investigazzjonijiet mill-Pulizija li wasslu għal suspetti qawwija fih, li Bonnici ġie arrestat u ammetta għad-delitt doppju.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, qieset każi ta’ omiċidji preċedenti fejn dawk akkużati bi qtil u attentat ta’ qtil doppju u triplu ammettew fi stadju bikri mingħajr m’għaddew ġuri, u fejn il-piena maqbula kienet tvarja bejn 30 u 40 sena ħabs.
L-Imħallef Bugeja qies ukoll il-koperazzjoni tal-akkużat mal-Pulizija u l-ammissjoni bikrija, li qalet evitat iżjed tbatija għall-familjari tal-vittmi u l-ħtieġa li jixhdu, kif ukoll frankat il-ħin u l-ispejjeż marbuta ma’ ġuri. Fil-fatt f’każijiet bħal dawn kien hemm ħafna okkżajonijiet fejn wara li persuna tinstab ħatja minn ġurija tiġi kundannata għal għomorha l-ħabs.
Hawn il-Qorti qieset ukoll il-kondotta ta’ Bonnici li kienet waħda nadifa mingħajr ebda passat kriminali, il-bilanċ tas-serjetà tar-reat fiċ-ċirkostanzi tal-każ, u l-fatt li l-ammissjoni tiegħu wasslet għal kundanna ċerta fi żmien qasir, għaliex f’ġuri seta’ wkoll ma jinstabx ħati.
Minbarra l-piena ta’ 36 sena ħabs, Bonnici kien ordnat ukoll iħallas €18,909 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-armi, vetturi u kull oġġett li ntuża għar-reat, u l-irtirar tal-liċenzji tan-nar li kellu Bonnici, flimkien mal-projbizzjoni biex jikseb xi liċenzja oħra fil-futur.