Lokali

AĠĠORNATA: 15.5% jivvotaw fil-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN

Waqt il-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista vvotaw total ta’ 15.5% tal-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali eleġibbli.

Din il-votazzjoni saret għal dawk li ma jistgħux jivvotaw fl-elezzjoni li se tinżamm fuq jumejn – il-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin – fl-istess postijiet, fejn il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali qed jintalbu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech biex ikompli l-mandat tiegħu fit-tmexxija tal-Partit.

Dwar in-nomina tiegħu, Bernard Grech diġà spjega li meta ddeċieda li joħroġ għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien konxju li t-triq kienet se tkun iebsa. Issa, il-prijoritajiet li llum għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista għadhom urġenti ħafna, fi żmien ta’ deċiżjonijiet importanti.

Hu qal li l-problemi ma jistgħux jibqgħu jintefgħu taħt it-tapit għax mhux talli ma jissolvewx, talli jkomplu jikbru u jxekklu lill-Partit milli jimxi ‘l quddiem. Dan fl-istess waqt li l-Partit m’għandux jaqta’ qalbu, iżda jħares ‘il quddiem biex ikompli jservi lill-kważi nofs l-elettorat li jirrappreżenta.

B’kollox huma madwar 1,550 dawk eliġibbi biex jivvotaw f’din l-elezzjoni. Emendi li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fl-Istatut tiegħu, ftit tas-snin ilu, kabbar l-għadd ta’ persuni li jagħmlu parti mill-Kunsill Ġenerali biex issa dan jagħti aktar spazju lil persuni li jkunu jistgħu jifformaw parti minn dan l-ogħla organu tal-Partit.

Wara l-votazzjoni bikrija tal-lum, il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali se jkunu jistgħu jivvotaw il-Ġimgħa li ġej fl-istess ħinijiet bħal-lum – bejn il-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali u bejn il-5pm u t-8pm fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat – kif ukoll is-Sibt bejn it-8am u l-5pm f’Malta u bejn it-8am u t-3pm f’Għawdex.