Futbol Sport

Erba’ timijiet jagħmluha għas-semifinali tal-E & L Futsal

Se jkunu Luxol, Siġġiewi, l-Universita’ ta’ Malta u St George’s li se jikkontestaw is-semifinali tal-E & L Futsal Trophy wara li rebħu lill-avversarji rispettivi tagħhom fil-kwarti tal-finali li ntlagħbu l-ġimgħa l-oħra. Luxol għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 7-3 f’logħba li dejjem tkun waħda akkanita u movimentata. It-tim minn St Andrews kienu tajbin f’ħafna mill-mumenti tal-logħba u rnexxielhom jiskorjaw il-gowls li kienu biżżejjed sabiex huma jagħmluha mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni. Andy Mangion kien awtur ta’ doppjetta b’Melvin Borg, Celino Alves, Dylan Musu, Mark Zammit u Matthew Attard isibu wkoll ix-xibka għaċ-champions Maltin.

Andre Cachia, Aaron Montebello u Jovica Milijic skorjaw il-gowls tal-Beltin. L-Universita’ ta’ Malta ddominaw u rebħu lil Mellieħa bl-iskor kbir ta’ 14-2. Kif jindika l-iskor, l-Universitarji kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun bit-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta li sabha diffiċli jikkontrolla l-attakki tal-avversarji. Guillherme Fonseca skorja erba’ gowls filwaqt li Mohammed Elamari u Steven Camilleri kienu awturi ta’ tripletta kull wieħed. Fl-istess waqt Cleaven Portelli wettaq doppjetta filwaqt li Stefan Camilleri u awtogowl issiġġillaw ir-riżultat finali għall-Universita’. Marinko Solarevic u Dusan Petrovic skorja l-uniċi żewġ gowls għall-Melliħin.

St George’s irnexxielhom jaslu sas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Qormi Futsal 6-2. Il-Bormliżi kienu determinati li jwettqu dan it-tragward storiku f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża hekk kif Herbert Spiteri skorja doppjetta b’Liam Caruana, Karl Luke Schembri, Charvon Gatt u Ishmael Buhagiar iżidu aktar gowls għat-tim tagħhom. Qormi naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Ayrton Duncan u Kevin Agius. Siġġiewi saru l-aħħar tim li għamilha għal mal-aħħar erbgħa wara rebħa tajba ta’ 7-2 kontra Żurrieq Futsal. Is-Siġġiwin kienu ferm motivati li jaslu sal-aktar fażijiet kruċjali tat-trophy hekk kif Shataizan Zarb, Jean Lopes, Dale Vella, Andre Joe Cutajar, Juan Sebastian Morales, Kieran Debono u Justin Theuma niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Alexei Saliba u Boycho Marev skorjaw il-gowls ta’ Żurrieq. Il-kompetizzjoni E & L Futsal Trophy tkompli fi tmiem din il-ġimgħa bis-semifinali fejn St George’s jilagħbu kontra Luxol St Andrews filwaqt li l-Universita’ ta’ Malta jaffrontaw lil Siġġiewi.