Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Bejn il-50 u l-100 Ukreni mitlufa kulum’ waqt il-ġlied fid-Donbas

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, waqt id-diskors lill-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos, aċċenna għall-offensiva attwali li l-qawwiet tar-Russja qegħdin imexxu fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Il-Mexxej tal-Ukrajna, sadanittant, qal li pajjiżu x’aktarx li qed jitlef bejn 50 u 100 persuna kuljum f’dan ir-reġjun, bil-kumment x’aktarx li qed jirreferi għall-militar Ukreni li qegħdin jinqatlu f’din il-gwerra.

Zelensky fakkar li l-istorja tinsab mill-ġdid f’salib it-toroq u meta l-Ukrajna,skont hu, qed titlob ukoll biex il-kumpanniji u n-negozji li għadhom fir-Russja jirtiraw l-operat tagħhom minn dan il-pajjiż u, minflok, jinvestu fl-ibliet tal-Ukrajna.

Zelensky, f’dan il-punt, spjega li pass bħal dan hu importanti għal kwalunkwe kumpannija li trid taċċerta li mhix qed tiffinanzja l-azzjonijiet imdemmija tal-Kremlin kontra poplu innoċenti.