Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jinsisti li d-dinja ma tistax tisfa vittma ta’ politika brutali u aggressiva

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, waqt indirizz lill-Forum Ekonomiku Dinji ( li kien qed jiltaqa’ f’Davos, fl-Iżvizzera) qal  li ‘id-dinja ma tistax tispiċċa suġġetta għall-politika brutali xprunata mill-aggressività tar-Russja’.

Zelensky, intant, insista mal-kapijiet tal-kummerċ preżenti għall-Forum li pajjiżu jeħtieġ dejjem aktar appoġġ biex jirreżisti lill-qawwiet tal-Kremlin f’pajjiżu.

Tema prinċipali tad-diskors ta’ Zelensky kienet ix-xewqa tiegħu biex il-pajjiżi jieħdu aktar passi biex ‘ikissru lir-Russja ekonomikament’. Dan  peress li għad ma ttieħdux il-miżuri ‘massimi’ mill-Punent fil-konfront tal-Gvern tal-President Russu Vladimir Putin.

Zelensky qed jittama li jara embargo sħiħ għaż-żejt li tipproduċi r-Russja. Miżura oħra sinifikanti kapaċi tinvolvi t-tkeċċija tal-banek Russi mis-sistemi globali — bil-President Ukren qed jitlob biex id-dinja tirtira minn kull attività kummerċjali ma’ Moska.

Volodymyr Zelensky, fl-istess ħin, sejjaħ biex l-Ukrajna tingħata aktar artillerija minn barra ‘għaliex il-qawwiet tagħha jeħtieġu l-armamenti kollha li talbu lill-Punent u mhux sempliċiment dawk li kienu provduti fl-aħħar jiem u ġimgħat.’

Hu kompla li mgħandux dubju li l-għexieren tal-eluf tal-Ukreni kienu jsalvaw li kieku l-Gvern fi Kiev irċieva ‘il-mija-fil-mija’ tal-għajnuna militari meħtieġa waqt l-ewwel jiem tal-gwerra, lejn l-aħħar ta’ Frar.