Lokali

Jinġabru €15,000 minn The Jonathan Chetcuti Program biex jinbena post ta’ rikreazzjoni fl-Etjopja

Jimxi l-Camino de Santiago biex iżomm ħajja l-memorja ta’ Jonathan Chetcuti

Wara t-tlestija tal-isfida tal-Camino de Santiago, il-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ The Concept Stadium, Jonathan Dalli, ħabbar li rnexxielhom jiġbru aktar minn €15,000. Huwa spjega li l-flus miġbura se jkunu qed imorru sabiex jibnu post ta’ rikreazzjoni fi skola għal 700 student f’Bonga, fl-Etjopja…fi proġett li huwa mmexxi minn SiGMA Foundation.

Din l-isfida bdiet fi 30 ta’ April, meta Dalli siefer fi Spanja fejn beda l-mixja ta’ 130km minn Sarria sa Santiago de Compostela…mixja li ħadet ħamest ijiem. Qabel dan kollu, Dalli għamel diversi ġimgħat jiprepara kuljum, f’taħriġ kontinwu sabiex iħejji għal din l-isfida.

Huwa saħaq li sentejn ilu tilef lil sieħbu, business partner u l-aqwa ħabib li qatt kellu minkejja dan huwa insista li xtaq iżomm il-memorja tiegħu ħajja. Għalhekk spjega li għamel din l-isfida ad unur tiegħu.

Fl-2021 flimkien mal-mara ta’ Jon Chetcuti, huwa ħoloq The Jonathan Chetcuti Program li jservi ta’ sostenn għal atleti żgħażagħ – u sentejn wara t-telfa tiegħu, Dalli xtaq iwettaq din l-isfida sabiex jgħin lil ħaddieħor.

Intant, f’Jannar tal-2023 Dalli se jkun qiegħed jivvjaġa lejn l-Etjopja sabiex jattendi għall-inawgurazzjoni ta’ The Jonathan Chetcuti Outdoor Facilities bħala parti mill-proġett tal-bini ta’ skola ta’ SiGMA Foundation.