Lokali Mużika

Jirritorna Opera in the City – The Three Tenors

Tirritorna fil-Belt Valletta “Opera in the City – The Three Tenors”, avveniment annwali bil-parteċipazzjoni ta’ tliet tenuri lokali: Alan Sciberras, Nico Darmanin u Cliff Zammit Stevens … li kisbu fama internazzjonali  u li se jkunu qed ikunu akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Michael Laus.

Is-Sibt, 4 ta’ Ġunju, fi Pjazza San Ġorġ, it-tliet tenuri Maltin se jkunu qed isaħħru l-pjazza bl-ilħna meraviljużi tagħhom waqt it-tielet edizzjoni ta’ dan il-kunċert.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Maestro Laus spjega li madwar 60 mużiċist se jkunu qed jiffurmaw parti mill-Orkestra f’okkażjoni li ddeskriviha bħala vetrina ta’ talent kompletament Malti, fejn se jkunu qed jeżebixxu repertorju ta’ opra Taljana u Franċiża, kif ukoll mużika leġġera Naplitana u Ingliża.

Matul il-konferenza, it-tliet tenuri tawna togħma ta’ x’se jkun qed jistenna l-pubbliku.

NET News tkellem ma’ Cliff, Nico u Alan, li spjegaw l-emozzjoni li ġġib magħha l-mużika klassika.

Hekk kif bħall-bqija tad-dinja, pajjiżna ħiereġ mill-pandemija tal-Covid-19, dan il-kunċert se jkun organizzat mingħajr l-ebda restrizzjonijiet b’400 siġġu disponibbli bi ħlas, filwaqt li kull min hu interessat li jattendi b’xejn jista’ jagħmel dan bilwieqfa.

Cliff Zammit Stevens tkellem dwar is-soljev  li pajjiżna jinsab ħiereġ minn din il-pandemija.

Dan filwaqt li Nico Darmanin temm jgħid li l-qasam tal-arti nnifsu għen biex dan is-sens ta’ normalità jerġa’ jinħass.