Il-President tal-Iran, Ebrahim Raisi, qal li pajjiżu għandu jivvendika l-qtil ta’ Kurunell li kien membru influwenti tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana li hi l-aktar korp militari b’saħħtu f’dan il-pajjiż Iżlamiku. Dan wara li l-Kurnell Sayad Khodai, fil-lejl tal-Ħadd, qala tiri fatali mingħand żewġ persuni li avviċinawh b’mutur waqt li hu kien bilqiegħda f’karozza quddiem id-dar tiegħu f’Tehran.
Il-Kurnell kellu grad għoli fil-qawwa Quds, li hi entità sigrieta u elit tal-Gwardja Rivoluzzjonarja nkarigata mill-azzjonijiet ‘il hinn mill-Iran. Sadanittant, il-President Raisi deher li kien qed jirreferi għall-Istati Uniti u l-alleati tagħha meta qal li l-qtil ta’ Khodai kien dovut għal element ta’ arroganza fuq livell globali.
Il-President Iranjan ħeġġeġ biex l-uffiċjali tas-sigurtà jinvestigaw dan il-qtil bir-reqqa waqt li ħalef li kulmin għandu sehem fl-eliminazzjoni tal-kurunell se jpatti għal għemilu.
L-ebda grupp jew pajjiż ma assuma responsabbiltà għall-qtil tal-Kurunell Iranjan meta dan hu l-aktar każ prominenti ta’ dan it-tip mindu x-xjenzat nukleari Iranjan, Mohsen Fakhrizadeh, spiċċa maqtul, fl-2020, waqt attakk fuq konvoj li kien qed jivvjaġġa fiha ftit ‘il hinn minn Tehran.
//= $special ?>