Lokali Qorti

Milqugħa talba ta’ eks Pulizija mara biex ma jinstemax ġuri tal-eks sieħeb tagħha mixli li stupraha

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja laqgħet it-talba ta’ eks Pulizija mara biex ma jinstemax ġuri li fih l-eks sieħeb tagħha kien se jiġi mixli li stupraha. Waqt li l-allegata vittma kkonfermat li ma kinitx mhedda, qalet li kellha tieħu t-terapija u ma xtaqitx li terġa’ tgħix it-trawma li għaddiet minnha.

Il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ f’Ġunju tal-2017 meta l-mara għamlet rapport fl-Għassa tal-Ħamrun. Hija kienet allegat li s-sieħeb tagħha kien ilu snin jabbuża minnha u li ma kinitx qed tiflaħ aktar. Il-Qorti kienet diġa’ ħarġet l-att tal-akkuża fil-konfront tIr-raġel li għandu 37 sena.

Huwa kien se jkollu jirrispondi għal sitt kapi ta’ akkuża fosthom ta’ stupru, li żammha kontra r-rieda tagħha, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u gravi, li beżżagħha, li ġiegħla tagħmel atti sesswali kontra r-rieda tagħha u li għamel ħsara fil-proprjetà tagħha.

Fir-rapport tagħha lill-pulizija l-mara rrakkontat bosta episodji li fihom ġiet abbużata. Kienet qalet li r-raġel sawwatha bil-ponn u ried ikollu x’jaqsam magħha wara li jkun daħal id-dar xurban. Il-mara tenniet ukoll li meta rrifjutatu, ħareġ sikkina mill-kexxun tal-kċina u heddidha li kien se jimla’ kullimkien demm jekk ma torqodx miegħu.

Fost atti oħra li kkaġunaħlha qalet li kissrilha l-mobile għax ried il-password tagħha, li heddidha li jdaħħaq it-triq għax kienet se ssiefer ma’ ħabibitha u sar aggressiv meta qatlu li riedet twaqqaf ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Huwa mifhum li r-raġel kien jgħir ħafna għaliha, sal punt li ma baqax jafdaha.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Aaron Bugeja li quddiemu kien se jinstema’ l-ġuri, li kien wasal biex jibda, huwa qies il-fatt li l-mara ħalfet iquddiem nutar u avukat li fiha ddikjarat li riedet twaqqaf il-każ minħabba r-riperkussjonijiet li tista’ tgħaddi minnhom.

Hija sostniet tali dikjarazzjoni quddiem l-Imħallef li talabha biex tixhed quddiemu bil-għan li jikkonferma li d-deċiżjoni kienet qed teħodha minn jeddha u mhux għax b’xi mod kienet mhedda. Waqt li kkonfermat li ma kinitx mhedda bl-ebda mod, qalet li kellha tieħu t-terapija wara dak li għaddiet minnu, u ma xtaqitx li terġa’ tgħix it-trawma oħra. L-Imħallef Bugeja laqa’ t-talba tagħha wara li ddikjara li din kienet waħda ġenwina.