Lokali Qorti

Skont Melvin Theuma, Yorgen Fenech ħallas mas-€700,000 biex tinqatel Daphne Caruna Galizia

Melvin Theuma il-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li fl-2017 inqatlet permezz ta’ karozza bomba viċin ir-residenza tagħha fil-Bidnija qal lill Pulizija li Yorgen Fenech, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tagħha kien ħareġ is-somma ta’ madwar €700,000 biex tinqatel. €150,000 ewro għall-qtil tagħha, u aktar minn nofs miljun li baqa’ jħallas lill-aħwa Degiorgio waqt li huma kienu għadhom il-ħabs.

Fenech, skont Theuma kien baqa’ joħroġ il-flus matul is-sentejn li l-qattielu kienu l-ħabs peress li kienu qed jitolbu flus biex isostnu l-familji tagħhom kemm biex ikollhom biżżejjed biex iħallsu l-avukati tagħhom kif ukoll biex jgħixu. Sadanittant fi stqarrija li huwa ta lill-Pulizija, Yorgen Fenech qal li li l-eks Ministru Chris Cardona qallu li kien hu li ħeles minn Daphne Caruana Galizija.

Ħareġ ukoll li Keith Schembri qatt ma kien mixli b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax l-unika evidenza li kellha l-pulizija kienet stqarrija ta’ Yorgen Fenech,. Dan xehedu investigatur ewlieni fil-każ, s-Supretendent Keith Arnaud kien qed jixhed f’kawża ċivili li għaddejja għad-danni ppreżentati mill-eredi ta’ Caruana Galizia kontra l-persuni akkużati s’issa bil-qtil tal-ġurnalista.

L-armel ta’ Caruana Galizia, Peter, u wliedha, Andrew, Matthew u Paul qed ifittxu lil Yorgen Fenech, Melvin Theuma, Vince Muscat, Alfred Degiorgio, George Degiorgio, Robert Agius u Jamie Vella għal danni ta’ €5 miljun. Muscat huwa l-uniku wieħed s’issa li ngħata sentenza wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil. Muscat kien kundannat għal 15-il sena ħabs fi Frar 2021. Il-kawżi kriminali kontra l-kumplament għadhom għaddejjin.

Arnaud ġie msejjaħ fuq il-pedana tax-xhieda mill-familja Caruana Galizia biex jixhed dwar l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-qtil tal-2017. Is-Supretendent tal-Pulizija kkonferma x-xhieda li ta fil-Qorti għal għadd ta’ drabi fid-diversi każi marbuta mal-qtil. Huwa fil-qosor ta stampa tas-sejbiet ewlenin fl-investigazzjoni li wasslet għall-arresti tal-irġiel eventwalment akkużati b’rabta mal-qtil.

L-ewwel ma’ tressqu f’Diċembru 2017 kienu l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Huma ġew akkużati li kienu li qatluha permezz ta’ bomba. F’Novembru 2019, il-pulizija arrestat lil Melvin Theuma u Yorgen Fenech. Theuma, il-middleman, ingħata maħfra presidenzjali biex jgħid kollox dwar il-qtil, filwaqt li Fenech ġie mixli bħala l-moħħ.

Fi Frar tas-sena l-oħra, Muscat wieġeb ħati tal-akkużi u kien ikkundannat għal 15-il sena ħabs. Imbagħad ta informazzjoni lill-pulizija dwar in-nies li pprovdew il-bomba u sussegwentement ġew mixlija Robert Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, u Jamie Vella.

Yorgen Fenech qal li kien ħallas il-flus għall-qtil fuq struzzjonijiet ta’ Keith Schembri

Taħt kontroeżami mill-avukat ta’ Yorgen Fenech Anna Mallia, Arnaud qal waqt interrogazzjonijiet tal-pulizija fl-2019, Fenech kien implika lill-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri bħala l-moħħ wara l-qtil. Arnaud qal li Fenech ammetta li ħallas il-flus għall-qtil iżda għamel dan fuq struzzjonijiet mingħand Keith Schembri.

Magħfus għaliex qatt ma tressqu l-ebda akkużi kontra Schembri, Arnaud qal li l-pulizija kienet investigat it-talbiet u saħansitra arrestat lil Schembri iżda ma kellha l-ebda evidenza f’idejha apparti l-istqarrija ta’ Fenech. Bl-istess mod, Fenech semma wkoll mal-pulizija lill-eks Ministru Chris Cardona.

Skont Fenech, Cardona kien ammetta miegħu li kien wara l-qtil ta’ Caruana Galizia. Arnaud qal li l-allegazzjoni kienet investigata wkoll iżda ma sab l-ebda evidenza oħra apparti l-istqarrija ta’ Fenech. Is-Supretendent tal-Pulizija qal li Fenech issa qed jiffaċċja l-proċeduri tiegħu stess fil-qorti u għalhekk ma jistax jixhed.

Il-laptop li spiċċa l-Ġermanja

Arnaud irrakkonta dak li Melvin Theuma kien qal lill-pulizija dwar li Yorgen Fenech qallu li l-qtil kien minħabba xi ħaġa li l-ġurnalist kien se jikteb dwar zijuh Ray Fenech. Theuma qal ukoll lill-pulizija li eventwalment fehem li r-raġuni ma kellha x’taqsam xejn ma’ ‘ziju Ray’ imma dak kollu x’jaqsam ma’ Yorgen Fenech innifsu.

Anna Mallia qabdet ma’ din din id-dikjarazzjoni u staqsiet lil Arnaud jekk il-pulizija irkupratx il-laptop ta’ Caruana Galizia matul l-investigazzjoni, allegatament biex jiġi stabbilit jekk il-qtil tagħha kellux xi rabtiet mal-kitba tagħha. Arnaud qal li l-pulizija talbet lill-maġistrat inkwirenti biex jirkupra l-laptop.

Qal ukoll li l-pulizija Maltija saret taf biss mill-media li l-laptop ingħata mill-familja lill-pulizija Ġermaniża. Ippressat aktar minn Mallia, Arnaud ammetta li l-pulizija Maltija qatt ma għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Ġermaniżi biex tingħata l-laptop, u saħaq li dan sar permezz tal-maġistrat inkwirenti.

“Dak li ppermettietna nagħmlu l-liġi, għamilna. Kellna laqgħat mal-familja u ddiskutejna l-kwistjoni. Il-familja kienet tatna informazzjoni dwar dak li kienet qed taħdem fuqu Daphne Caruana Galizia. Tlabna lill-maġistrat inkwirenti biex jagħmel dak kollu li hu possibbli biex tikseb il-laptop… Sirna nafu li l-laptop kien fil-Ġermanja mill-media. Il-laptop ma tlabtux lill-familja Caruana Galizia,” xehed Arnaud.

Il-famuż mobile mitluf minn Keith Schembri

Mistoqsi dwar dal li qal Schembri li kien tilef il-mobile, Arnaud qal li l-pulizija sabuha stramba li spiċċa biex tilfu. Qal li saru inkjesti mal-kumpaniji tal-mobiles biex jirkupraw id-data ta’ Schembri iżda l-komunikazzjoni skambjata ma’ Fenech kienet permezz ta’ WhatsApp u Signal u għalhekk ma setgħetx tingħata mill-kumpaniji.

Arnaud qal li l-mobile kien lokalizzat l-aħħar fiż-żona tal-Mellieħa, fejn dak iż-żmien kien jgħix Schembri, u li l-aħħar intuża billejl. ‘Trattament speċjali’, qalet l-Avukat Mallia, eżatt hekk kif Arnaud niżel minn fuq il-pedana tax-xhieda, Mallia lmentat mal-Qorti li l-familja kienet għadha ma ressqetx numru ta’ affidavits.

“Imma dawn in-nies jingħataw trattament speċjali,” ilmentat b’leħen għoli l-avukat hekk kif il-partijiet ħarġu mill-awla. Il-każ qed jinstema’ mill-Imħallef Anna Felice. L-avukati Joe Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi qed jirrappreżentaw lill-werrieta Caruana Galizia. Anna Mallia qed tirrapreżenta lil Fenech, Matthew Brincat u Kathleen Grima qed jidhru għal Melvin Theuma, William Cuschieri qed jirrappreżenta lill-aħwa Degiorgio u Alfred Abela u Rene Darmanin qed jirrappreżentaw lil Robert Agius u Jamie Vella. Il-każ ikompli fit-18 ta’ Ottubru fin-12:30pm.