Internazzjonali

Stati Uniti-Tajwan: Joe Biden iwissi liċ-Ċina waqt iż-żjara fl-Asja

U.S. President Joe Biden speaks during a joint news conference with Japan's Prime Minister Fumio Kishida after their bilateral meeting at Akasaka Palace in Tokyo, Japan, May 23, 2022. REUTERS/Jonathan Ernst

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, wissa liċ-Ċina li qed tavviċina sitwazzjoni perikoluża b’konnessjoni mat-Tajwan. Dan meta l-Gvern komunista f’Beijing ilu s-snin jesiġi b’politika ta’ intimidazzjoni fil-konfront tat-Tajwaniżi.

Filwaqt li l-Istati Uniti ilha tidher vaga dwar il-politika tagħha dwar it-Tajwan, il-President Biden, waqt żjara fil-Ġappun, għamilha ċara li pajjiżu lest biex jintervjeni militarment f’sitwazzjoni fejn it-Tajwaniżi jispiċċaw attakkati miċ-Ċina.

B’dan id-diskors, Biden jidher li qed jikkontradixxi l-politika tal-Amerikani għal dak ir-reġjun u li ilha effettiva għal snin. Madankollu, kelliema għall-White House qalu li, f’dan il-każ, mhi qed isseħħ l-ebda bidla fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti.

Sadanittant, iċ-Ċina tinsab urtata talli Joe Biden ġibed paragun bejn is-sitwazzjoni tat-Tajwan u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja. Dan waqt li Biden jinsab għaddej bl-ewwel żjara tiegħu fl-Asja bħala l-President tal-Istati Uniti u meta qed iżur lill-Alleati fir-reġjun.

Fl-istess ħin, il-kummenti ta’ Joe Biden f’Tokjo kienu t-tieni darba, f’dawn l-aħħar xhur, li l-President Amerikan tkellem ċar u tond dwar l-intenzjonijiet tal-Istati Uniti biex tiddefendi lit-Tajwan kontra xi aggressjoni potenzjali min-naħa ta’ Beijing.