Lokali Qorti

Tip-off lil Yorgen Fenech li kien se jiġi arrestat, waħda mir-raġunijiet li ġurnalist tkeċċa mit-Times of Malta

Il-ġurnalist Ivan Camilleri tkeċċa mit-Times of Malta mhux biss minħabba allegat serq mill-ħwienet imma talli nforma lil Yorgen Fenech dwar l-arrest imminenti tiegħu. Din ix-xhieda ngħatat minn Paul Mercieca, chairman mhux eżekuttiv tal-Allied Group, li jippubblika t-Times of Malta.

Mercieca kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell imressaq minn Camilleri kontra d-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan u l-ġurnalist tal-Illum Yendrick Cioffi fuq artikli li jimplikaw li Camilleri kellu ‘relazzjoni cosy’ ma’ ċerti negozjanti.

Mercieca xehed li fid-19 ta’ Diċembru 2019, huwa rċieva telefonata mid-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Michel Rizzo fejn talbu jiddiskuti l-allegazzjoni li Camilleri kien għarraf lis-suspettat tal-qtil Yorgen Fenech bl-arrest tiegħu. Grupp strett ta’ ġurnalisti fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Times of Malta kienu jafu li Fenech kien se jħalli Malta fuq il-jott tiegħu u fotografu intbagħat Portomaso biex iżomm għajnejh.

Huwa mifhum li Camilleri ħa riħ minn din l-informazzjoni u għarraf lil Fenech. Din l-evidenza kienet ħarġet fil-qorti, iżda, kien issemma biss l-isem ‘Ivan’. Mercieca qal ukoll li staqsa lil Rizzo u lill-editur tat-Times, Herman Grech kemm kienu sodi s-sorsi tagħhom.

“Huma assigurawni li s-sorsi kienu affidabbli u l-‘Ivan’ imsemmi fil-qorti kien Ivan Camilleri,” qal. Dan l-inċident, u ieħor li fih Camilleri kien wettaq serq mis-supermarket Valyou fin-Naxxar, kienu r-raġunijiet għat-tkeċċija tiegħu mill-gazzetta, qal Mercieca.

Camilleri tkeċċa mill-kumpanija f’Diċembru tal-2019 u hu dejjem ċaħad li ta lil Yorgen Fenech nformazzjoni dwar l-arrest tiegħu. Wara xehed Saviour Balzan, li spjega l-motivazzjoni wara l-kitba tiegħu. Balzan qal lill-Qorti li hu jaf bi korrispondenza permezz ta’ email skambjata matul is-snin fi ħdan l-organizzazzjoni tal-aħbarijiet li kixef il-personalità tal-eks ġurnalist.

L-emails juru li Camilleri kien ingħata diversi twissijiet tul is-snin għal imġieba skorretta, inkluż li kellem ħażin żewġ uffiċjali għolja tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ dak iż-żmien, l-editur kap Steve Mallia u d-deputat tiegħu Herman Grech. Balzan qal li Camilleri kien investigat minn Times of Malta fuq allegazzjonijiet li kien qed jakkwista minn negozjanti magħrufa u f’lejla partikolari, mpjegat tal-kumpanija kien inkarigat jiċċekkja l-kompjuter ta’ Camilleri. Balzan xehed ukoll li sejħa għat-tkeċċija ta’ Camilleri fil-passat kienet twaqqfet minn Mario de Marco.

Balzan xehed ukoll li Camilleri gawda rabtiet mill-qrib mad-diretturi ta’ Virtu Ferries, li kien esebit fil-kitbiet kontinwi tiegħu kontra r-rivali diretti tal-kumpanija tal-laneċ, il-Captain Morgan u l-familja Zammit Tabona. Sostna li diversi artikli mhux iffirmati li dehru f’portal tal-aħbarijiet online jikkritika lill-familja Zammit Tabona u lil Balzan innifsu, kellhom xebh strambi mal-istil ta’ kitba ta’ Camilleri. L-Avukat Veronique Dalli qed tidher għal Balzan u Cioffi, filwaqt li l-avukat Peter Fenech qed jidher għal Camilleri. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Rachel Montebello.