Lokali Saħħa

Ebda każ ġdid ta’ monkeypox irrapportat f’Malta – Prof. Mallia Azzopardi

Wara l-kriżi dinjija estrema li ħolqot il-pandemija tal-Covid-19 għal aktar minn sentejn, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa spjegat li issa d-dinja qed tħabbat wiċċha ma’ theddida oħra – il-Monkey ox.

S’issa madwar id-dinja ġew ikkonfermati tal-inqas 80 każ minn madwar 15-il pajjiż … fosthom fl-Ingilterra, l-iŻvizzera, l-Awstrija, l-Italja, Spanja, il-Portugal, l-Istati Uniti u l-Kanada.

Fortunatament, s’issa f’Malta ma ġie rrapportat ebda każ ta’ dan il-virus…kif spjegalna l-Professur Charles Mallia Azzopardi, il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.

Ġeneralment l-virus tal-monkeypox huwa aktar assoċjata mal-partijiet remoti tal-Afrika Ċentrali u fil-Punent tal-kontinent Afrikan.

Esperti saħqu li din l-infezzjoni hija meqjusa bħala waħda rari li f’ħafna mill-każi s-sintomi jkunu ħfief, bil-persuni infettati jgħaddilhom fi ftit ġimgħat.

Minkejja dan, vaċċin partikolari għal dan il-virus sal-lum il-ġurnata għad m’għandniex ….għalkemm t-tilqima għal  kontra l-ġidri r-riħ hija 85% effettiva kontra l-monkeypox hekk kif it-tobba saħqu li huma simili ħafna.

Diversi esperti saħqu li l-popli m’għandhomx għalfejn jgħaddilhom minn rashom li se jerġgħu jinqaflu ġewwa kawża tal-monkeypox. Madanakollu insistew li huwa minnu li dawn l-infezzjonijiet kollha f’ċertu pajjiżi m’humiex tas-soltu u kienet ta’ sorpriża għax-xjentisti hekk kif huwa dejjem ta’ tħassib li virus ibiddel l-imġieba tiegħu.

Minkejja dan, hekk kif fir-Renju Unit ġew ikkonfermati tal-inqas 20 każ, l-awtoritajiet Brittaniċi qed jappellaw lill-persuni li spiċċaw infettati bil-Monkeypox sabiex iqattgħu 21 jum f’iżolament u jevitaw kull kuntatt …fost oħrajn ma’ nisa li qed jistennew tarbija u tfal taħt it-tnax-il sena.

It-tobba spjegaw li dan il-virus jittieħed b’kuntatt fiżiku – fost oħrajn b’atti sesswali – bis-sintomi jkunu deni qawwi, uġiegħ mal-ġisem kollu, kif ukoll raxx qawwi li imbgħad jinbidel f’ħafna infafet….li f’temp ta’ 4 ġimgħat jgħibu għal kollox.

Intant, d-WHO spjegat li dan huwa żmien mingħajr ebda preċedent għad-dinja hekk kif qed taffaċċja sfidi kbar bil-pandemija tal-COVID-19 li suppost ħerġin minnha….il-gwerra fl-Ukrajna li qed iġġib it-theddida tal-iskarsezza fl-ikel….u issa l-monkeypox, il-virus li għal xi raġuni qed jinbidel u jħalli perplessi lill-aqwa mħuħ fil-qasam mediku.