Lokali

Charity Shops b’risq il-Fondazzjoni Inspire

Il-Fondazzjoni Inspire għadha kif fetħet mill-ġdid il-ħwienet tal-karità tagħha, wara proċess ta’ rinnovar, bil-għan li tilħaq udjenza iktar kbira. Bl-isem ‘Give & Take Charity shops’, il-ħwienet jinsabu fil-Ħamrun u Wied il-Għajn, filwaqt li Inspire topera wkoll maħżen f’Ħal Qormi li huwa miftuħ għall-pubbliku.

“Dan ma kienx sempliċement proċess li nsibu isem ġdid għall-ħwienet tagħna, u li nagħtuhom logo gustuż” qalet Giovanna Mirabile minn Inspire. “Il-mod kollu ta’ kif immexxu l-ħwienet ġie mibdul sabiex żidna l-effiċjenza, u qed noffru prodott aħjar lix-xerrejja tagħna – li jfisser li ser inkunu f’pożizzjoni aħjar li nkomplu nsostnu l-programmi tagħna tal-Fondazzjoni Inspire għal persuni b’diżabilitá” innutat Giovanna.

Filfatt, il-ħwienet tal-karità għaddew minn proċess ta’ ristrutturar u tisbiħ estensiv. Christabel Tonna, Retail Operations Executive minn Inspire qalet “Ma tkunx ħaġa kbira jekk il-klijenti tagħna ma jagħrfux il-ħwienet kif ġew issa, hekk kif dawn ma jonqoshom xejn meta kkumparati ma’ ħwienet l-oħra. B’hekk qed nagħtu dinjità lill-esperjenza ta’ min jagħżel li jixtri minn ħwienet tal-karità. Madanakollu, il-prezzijiet xorta waħda baqgħu irħas immens, hekk kif żammejnihom fl-iżjed livell baxx possibbli, sabiex inkomplu nsostnu l-membri kollha tas-soċjetà permezz tal-ħwienet tagħna, anke dawk li forsi ma jifilħux jixtru il-bżonnijiet tagħhom minn ħwienet tradizzjonali”.

Mill-ħwienet tal-karità tagħha, Inspire tipprovdi oġetti ta’ kwalità u f’kundizzjoni tajba għall-prezzijiet raġjonevoli. L-oġġetti jiġu mogħtija mill-pubbliku jew minn kumpaniji, u d-dħul imur direttament lejn l-iffinanzjar tal-operat tal-Inspire.

Il-benefiċċju tal-ħwienet Give & Take filfatt jistriħ fuq tlett prinċipji. Jipprovdi oġġetti għal prezz baxx għal dawk li ma jistgħux jixtru minn ħwienet konvenzjonali; jagħtu ħajja ġdida lil oġetti li jkunu diġa użati u rriciklati u b’hekk jippromwovu l-valur tas-sostenibbilità billi inaqsu l-ammont ta’ materjal li jintbgħat ta’ kuljum fil-miżbliet tagħna; kif ukoll jiġġeneraw dħul għall-Inspire sabiex tkun tista’ tipprovdi s-servizz tagħha u ssostni tfal u adulti b’diżabilita, u l-familji tagħhom.

Il-membri tal-pubbliku jistgħu jagħtu ħwejjeġ f’kundizzjoni tajba, aċċessorji tal-moda bħal ġojjellerija, oġġetti tad-dar, oġġetti antiki u tal-kollezzjoni, purtieri u soft furnishings oħra, DVDs u CDs, prodotti elettroniċi, ġugarelli, inkwatri u ħwejjeġ dekorattivi, kartolerija u affarjiet tat-trabi. L-oġġetti kollha mogħtija jiġu magħżula u organizzati mit-tim tal-Inspire, u mqassma fit-tlitt stabbilimenti.

Ir-ristrutturar tal-ħwienet sar bl-għajnuna finanzjarja u bil-gwida konsiderevoli tal-Malta Social Impact Awards, li għenu fit-twettieq ta’ dan il-proġett. Il-ħwienet imġedda jinsabu St Joseph High Street, il-Ħamrun, Trejqet il-Wied f’Ħal Qormi u fiċ-Ċentru ta’ Inspire f’Wied il-Għajn.

Għal aktar tagħrif żur is-sit https://inspire.org.mt/charityshops/